L-I Ħadd tar-Randan
X’ħarġu jagħmel fid-deżert? Ma setax l-Ispirtu ħelisielu din il-biċċa xogħol lil Ġesu’? Ġesu’ jiddeċiedi li jibda il-missjoni tiegħu u jmur jitgħammed minn Ġwanni fi xmara Ġordan...capċip? Prosit? Osanna? Xejn minn dan imma prova fid-deżert. Dak kollu li għadda minnu Hu, spiss ngħaddu minnu aħna! U forsi għalhekk għadda minnu Hu, biex aħna jkollna eżempju fuq xiex nimxu meta niltaqaw mal-istess saram.
X’jagħmel Ġesu’ quddiem it-tentazzjoni ? Jiġġieled. Aħna x’nagħmlu? Naħarbu. Għaliex naħarbu? Għax nibżgħu mid-deżert. Għaliex nibżgħu mid-deżert? Għax fih hemm il-bhejjem selvaġġi. Forsi d-deżert huwa qalbna, dik il-qalb li qatt ma rridu nidħlu fiha għax nibżgħu li jekk nidħlu niskandalizzaw ruħna. Aħna li tant drajna nirreċtaw li aħna perfetti li nieħdu qatgħa aħna stess xħin nindunaw x’hemm fiha.
Forsi d-deżert huwa s-sitwazzjoni familjari, personali, vokazzjonali li għaddejjin minna. Kemm spiss inkunu aħna wkoll ittentati li naħarbu mir-realta’. Arana kieku nistgħu mbiddlu il-ġebel f’ħobż biex nissodisfaw il-bżonnijiet kollha tagħna; wara kollox b’żaqqi mimlija abbli ninsa ftit minn xiex għaddej.
Arana naħarbu fil-popolarita’, arana nippruvaw nimpressjonaw billi nagħmlu l-għeġubijiet u jekk hemm bżonn nitilgħu fuq it-Tempju u ntiru biex kulħadd ikun jaf aħna x’insarrfu. Kemm nagħmlu l-impossibli għall-ċapċipa, għall-tgħannieqa? Kemm begħna lilna nfusna biex inħossuna apprezzati. U kemm mingħalina li dak li jidher minn barra huwa veru, u allura arana nilbsu il-maskri u nidħku lil kulħadd biex nagħtu l-impressjoni li kollox sew, għax kulħadd hekk jagħmel, u ninsew li ħafna, bħalna jippruvaw jilbsu maskra u jidhru qawwija.
Arana naħarbu billi nagħmlu għalina teżori hawn fl-art, imperi. Arana nħossuna sodisfatti b’dak illi għadna, mingħalina li ser nibqgħu hawn għall-dejjem. Arana kif nixxenqu għall-affarijiet. Kieku sew ikollna dak kollu li nixxenqu għalih, imma dejjem hemm prezz; “Tinxteħet quddiemi tadurani”. Ovvja hux, kull alla li nivvintaw f’ħajjitna jkollna nintrabtu miegħu, nibqgħu obbligati lejh, nitilfu l-paċi ħabba fih. Kemm diżastri fir-relazzjonijiet għax ivvintajna allat li flok ħelsien tawna jasar.
Illum il-Mulej irid jagħtina arma biex niġġieldu t-tentazzjoni li naħarbu, u l-arma hija waħda; li nemmen li fid-deżert m’iniex waħdi. Ir-realta’ tista’ tkun kerha imma Alla miegħi u jien għall-oħrajn, u jridni ninħeles jien u neħles lill-oħrajn. Sakemm nibqa’ naħseb li jien waħdi nibqa’ naħrab. Ġesu’ rebaħ għax kien jaf li Alla miegħu. Ma ħelsux it-tentazzjoni, ma ħelsux mill-inkwiet, imma kien miegħu fit-taqbida. L-istess kif Ġesu’ kien rieqed fid-dgħajsa meta l-appostli kienu qiegħdin fit-tempesta. It-tempesta dejjem se tkun hemm...fid-deżert il-Lhud idumu 40 sena, ħajjithom kollha prattikament. Is-salib dejjem se jkun hemm. Hu stess qalilna “Min irid jiġi warajja, jiċħad lilu nniffsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja”, u wkoll: “Fid-dinja tbatu jkollkom, imma agħmlu il-qalb, jien rbaħt id-dinja”.
Tina li-fidi Mulej biex nemmnu dak li int qed tgħidlilna: “Araw jien magħkom dejjem sal-aħħar ta’żmien”.