L-Imħabba tal-Għedewwa skond San Franġisk t'Assisi
Fi Twissijiet ta’ San Franġisk, li huma 28 parir li San Franġisk t’Assisi jagħti lill-patrijiet tiegħu insibu waħda dwar l-imħabba tal-għedewwa. Fiha il-fqajjar t’Assisi jagħti 3 pariri dwar kif wieħed jiddefendi ruħu mill-għedewwa. Naraw x’jgħid dwar meta xi ħadd jkun irċieva azzjoni ħażina:
- Xejn ma jitnikket minħabba d-deni li jkun irċieva,
- Isofri f’qalbu minħabba d-dnub li jkun tebba’ r-ruħ ta’ min offendih.
- Ha jfittex li juriħ li jħobbu bl-għemejjel it-tajba.
Franġisku f’din it-twissija jitlob lil min irċieva azzjoni ħażina mingħand l-għadu biex l-ewwel u qabel kollox jara kif inhi qalbu. San Franġisk iqanqal lil min hu mweġġa mill-għadu biex ma jitnikkitx. Huwa għall-qalb San Franġisk il-fatt li min hu mweġġa irid jikkonċentra fuqu inniffsu u mhux fuq l-agressur. Qabel kwalunkwe strateġija ta’ azzjoni, il-fqajjar t’Assisi jgħidlek: “Agħrbel lil qalbek”! L-istorja tal-Perfetta Leatizia, fejn nsibu lil San Franġisk li ma jiġiex aċċettat minn ħutu stess hija f’din l-istess loġika. Jikkonkludi San Franġisk li jekk il patrijiet tefgħuh ‘il barra u hu ma tnikkitx f’qalbu, hemm jinsab il-ferħ perfett.
Nistgħu hawnhekk nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq silta oħra, li hija simili ħafna għal din; din id-darba mir-Regola mhux Bullata:
L-Aħwa, ejjew nirriflettu fuq dak li l-Mulej jghidilna: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, u agħmlu l-ġid lil dawk li jobogħdukom (Mt 5:44). 2. Għax il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li fuq il-passi tiegħu aħna msejħa li nimxu (1Pt 2,21), sejjaħ lit-traditur tiegħu: ‘ħabib’ (Mt 26,50), u minn rajh ingħata lil dawk li sallbuh (Gw 10:18).3. Il-ħbieb tagħna, għalhekk, huma dawk kollha li inġustament iwaddbu fuqna diqa u niket, mistħija u ħsara, dulur u kastigi, il-martirju u l-mewt. Aħna għandna nħobbuhom ħafna, ghax għad niksbu l-ħajja ta’ dejjem għal kull ma jġegħluna nsofru[1].
Mhux kliem faċli dan tafux: “Il-ħbieb tagħna, għalhekk huma dawk kollha li fuqna jwaddbu diqa u niket...”. “Għadna nħobbuhom ħafna”!
Jidher kliem sabiħ ħafna dan imma forsi tgħidu: “Imma kif jista’ jkun dan”? Aħna li aħna umani faċli taqbżilna. Forsi San Franġisk qed jimmaġina xi Rambo li tisparalu kemm tisparalu ma tolqtux, jew jekk tolqtu ma tagħmillux ħsara? It-tweġiba għall-dan kollu tinsab fit-tieni vers ta’ din t-twissija. “Isofri f’qalbu minħabba d-dnub li jkun tebba’ r-ruħ ta’ min offendih”.
Min jisfa’ vittma ta’ xi offiża, irid iqis li r-ruħ ta’ min weġgħu hija mtebba, marida, għandha il-ħsara. Forsi nifthiemu iktar jekk ngħidu li min offendiħ huwa marid, qalbu hi marida. Kull att ta’ vjolenza fuqek huwa għajta għall-għajnuna. Ejjew nieħdu l-eżempju tal-għajjur. L-għajjur huwa mikul minn ġewwa għax qed jixxennaq għall-imħabba li m’għandux. Qalbu marida. Nieħdu ukoll l-eżempju tas-supperv. Is-supperv iħossu fi żgur biss jekk għandu pożizzjoni ta’ prestiġju. Ovvja li għalih kulħadd huwa għadu, għax għalih l-oħrajn huma biss ħallelin tal-pożizzjoni tiegħu. Dan forsi mhuwiex mard? U allura, jista’ jkun li l-atteġġjament lejn il-marid ikun wieħed ta’ rabja? Jista’ qatt tabib jintervjeni fuq il-feriti tal-marid b’rabja u bi vjolenza? Mingħajr din il-prospettiva Franġiskana huwa diffiċli ħafna biex il-marid, l-għadu jerġa’ jsir ħabib, wieħed mill-aħwa.
U hekk naslu għall-aħħar parir ta’ San Franġisk f’din l-ammonizzjoni: “Ħa jfittex li juriħ li jħobbu b’għemejjel tajba”. Interessanti li l-istrateġija pedagoġika ta’ San Franġisk għandha minnha żewġ terzi ta’ xogħol fuq il-qalb ta’ min ġie offiż u mhux fuq il-qalb ta’ min offenda. Il-pedagogija Franġiskana l-ewwel tqanqlek biex taħdem fuqek inniffsek, fuq qalbek, imbgħad fuq il-qalb ta’ min weġgħak. San Franġisk ma jagħtix suġġerimenti speċifiċi ta’ x’wieħed għandu jagħmel bħala għemejjel tajba. Iħalli fl-intelliġenza tal-individwu. Li hu żgur huma azzjonijiet li wieħed bihom irid imut għalih inniffsu biex l-ieħor jgħix.
[1] San Franġisk t’Assisi, Regola mhux Bullata, Cap 22.