L-imħabba tal-aħwa
Ħalli l-aħwa kollha joqogħdu attenti li ma joqogħdux iqasqsu fuq xulxin jew iħaqquha bejniethom. Ha jagħmlu ħilithom biex iżommu s-skiet kull meta Alla jagħtihom il-grazzja. Ħalli ma jitlewmux bejniethom jew ma’ l-oħrajn, imma jfittxu li jwieġbu bl-umiltà u jgħidu: aħna qaddejja li ma niswew għal xejn. U ħalli ma jinkorlawx, għax kull min jinkorla għal ħuh ikun ħaqqu l-ġudizzju; min lil ħuh jgħidlu "gifa" ikun ħaqqu jidher quddiem il-ġemgħa; u min lil ħuh jgħidlu "iblah" ikun ħaqqu n-nar ta’ l-infern
Ha jħobbu wieħed lill-ieħor, kif jgħid il-Mulej: Dan hu l-kmandament tiegħi, li tħobbu lil xulxin, kif ħabbejtkom jien . Ejjew nuru li nħobbu lil xulxin bl-għemil tagħna kif jgħid l-Appostlu: Ma nħobbux bil-kliem jew bit-tpaċpiċ, imma bl-għemil u tassew. U ma jkasbru lil ħadd. Ma għandhomx joqogħdu jgergru jew iqassu fuq l-oħrajn, għax hemm miktub: Alla jobgħod lil dawk li jqassu u jigdbu kontra xulxin. Ħalli jkunu modesti billi jġibu ruħhom bil-ħlewwa ma’ kulħadd. Ħalli ma jiġġudikawx u ma jikkundannawx.
U kull min jiġi għandhom, ħabib jew għadu, ħalliel jew brigant, ħa jkun milqugħ bil-ħlewwa. Kull fejn ikunu l-aħwa, jew kull fejn jiltaqgħu, ha jirrispettaw lil xulxin b’mod spiritwali u attent, u jagħtu gieħ lil xulxin mingħajr tgemgim. U ħa joqogħdu attenti li ma jidhrux minn barra mdejqin u ipokriti, qalbhom sewda, imma għandhom juru ruħhom il-ħin kollu ferħana, ħienja u ħelwa fil-Mulej.
San Franġisk t'Assisi