Il-Parroċċa tiegħi hija d-dinja - Patri Elija Vella

13.09.2016 09:14

Darba kont qed nikkoncelebra  f’quddiesa Sao Paolo, il-Brazil. Hija uzanza taghhom li qabel il-quddiesa kull sacerdot jghid ismu u minn fejn ikun gej. Kienu kollha kappillani u ghalqastant kollha semmew il-parrocca taghhom. Meta lili staqsewni fejn hi l-parrocca tieghi, kont ser nitfixkel. Imbaghad wegibt: “il-parrocca tieghi hi d-dinja”.

U ma nahsibx li qed nesagera ghaliex minn madwar 25 sena ‘l hawn, il-missjoni tieghi hi li ndur id-dinja nevangelizza u naghti l-Kristu lill-ohrajn. Din il-missjoni ma fittixthiex jien. Kieku kelli naghzilha jien kont naghzilha meta kont izjed zaghzugh u kont ukoll logikament naghzel artijiet fejn jien izjed midhla tal-lingwa, nghidu ahna t-Taljan u l-Ingliz. Imma minghajr ma naf kif, ghalkemm kont diga’ avanzat fl-eta’, il-Mulej tefaghni f’artijiet fejn jien ma nafx kelma b’dawk l-ilsna bhalna nghidu ahna s-Slovakkja, ir-Rep. Ceka, il-Brazil u tant u tant pajjizi ohrajn.

Mistoqsija li zgur tigi f’mohh kulhadd hija: imma kif beda dan kollu?

 

Kollox beda b’mod semplici hafna. Sqalli mizzewweg Maltija inzertaw hawn Malta ghal Konferenza Karizmatika. Jien inzertajt wiehed mill-kelliema f’dik il-konferenza. Dawn gew fuqi u qaluli jekk ghandix pjacir immur Sqallija – precizament Partinico – biex naghti tahdita waqt seminars li kienu qed jorganizzaw. Billi kont ghadni qatt ma hrigt nipprietka barra minn xtutna, dan ghalija kien challenge kbir; imma accettajt.

U dak kien il-bidu ta’ kollox. Hu bhal meta twaddab qatra zejt go l-ilma u dik tibda tikber... u tikber... u tikber... Illum nista’ nghid li zort kemm-il darba il-kontinenti kollha:  nipprietka, naghti rtiri, immexxi seminars, u l-bqija. Qajl qajl bdejt nigi mistieden   biex nipprietka f’diversi postijiet fi Sqallija.

Minn hemm... sibt ruhi l-Italja, Sardegna u Lampedusa, l-Ingilterra, il-Germanja, il-Brazil, il-Polonja, is-Slovakja, ir-Rep. Creka, l-Amerka (Boston, Orlando, Seattle...), il-Kanada, l-Awstralja (Melbourne, Sydney, Perth), New Zealand, l-Indja, il-Mauritius, il-Korea, u tant u tant pajjizi ohrajn.

Mhix l-ewwel darba li nigi mistoqsi b’liema kriterju naghzel fejn immur nipprietka. Fil-fatt qatt ma naghzel u qatt ma ghazilt jien fejn immur, imma dejjem hallejt l-Ispirtu jmexxini hu. Kull fejn immur u mort, dan ghamiltu dejjem fuq stedina partikulari ta’ Isqof jew kappillan jew grupp.

Normalment is-seminars li mmexxi (sacerdoti, sorijiet, lajci...) jkunu jew dwar l-Ezorcizmu u t-temi konnessi jew dwar il-Fejqan Interjuri.

Bhala konsegwenza ta’ dan l-apostolat gew ippubblikati diversi kotba tieghi: 13 bil-Portugiz, 9 bit-Taljan, 8 bis-Slovak, 7 bic-Cek, 3 bl-Ingliz. Qed jigu wkoll prezentement tradotti xi kotba bl-Ispanjol.

Il-kotba qed jinbieghu bl-eluf. Fil-Brazil biss inbieghu diga’ madwar 150.000 ktieb.

Il-missjoni li l-Mulej waddabni fiha mhix missjoni facli. Dari tinsab dejjem go bagalja. Irrid inbiddel is-sodda kwazi kuljum. Irrid nghaddi mijiet ta’ sighat fl-ajru u fl-ajruporti. Irrid nidra ikel differenti, f’hinijiet u orarji differenti. Irrid nidra kontinwament indawwar l-arlogg ‘il quddiem u lura skond fejn immur. Kontinwament irrid nghaddi minn temperatura ghall-ohra.

Mistoqsija li minhiex kapaci nwegibha: meta ser nieqaf din il-girja mad-dinja, il-parrocca tieghi? Dan il-Mulej jafu. Mhuwiex jien li niddeciedi. Inhalli f’idejh.

Fl-ahhar mill-ahhar, dak kollu li qed naghmel, qed naghmlu ghax talabuli hu.

“Lil min ser nibghat?” “Hawn jien Mulej, inghat lili!”