Klara u Franġisku - Imħabba Spiritwali
Klara u Franġisku - Imħabba Spiritwali
L-imħabba għal Kristu u l-fidi fl-Ispirtu s-Santu mexxew lil Klara u lil Franġisk tul il-mixja tal-Vanġelu
Fiż-żgħożija ferrieħa u bla ħsibijiet, żagħżugħa bl-isem ta’ Klara – b’xagħarha mdieheb u wiċċha jiddi bil-grazzja u t-tjieba – qatgħetha li tħalli kollox biex tikkonsagra ruħha lil Ġesù.
Il-laqgħa ma’ Franġisk, li kliemu mimli bil-fidi u l-imħabba kellu s-setgħa li jqanqal saħansitra l-erwieħ ta’ dawk li ma jemmnux, seħħet f’Ħadd il-Palm tal-1211, meta Klara fetħet dirgħajha għall-Ordni Franġiskan u saret hi wkoll qaddejja tal-Mulej.
F’atmosfera delikata, imdawla bir-raġġi tal-qamar li nifdu l-knisja ċkejkna tal-“Porziuncola” Franġisk qata’ x-xagħar twil taż-żagħżugħa u taha dak il-ħin libsa nieqsa minn kull żina.
L-imħabba għal Kristu, u l-fidi fl-Ispirtu s-Santu (li niżel fuq iż-żagħżugħa bis-saħħa tal-edukazzjoni li tatha ommha) mexxew lil Klara u Franġisk fil-mixja tal-Vanġelu li jgħallem lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba l-istorja ta’ Ġesù, bniedem fqir u ta’ qalb umli li miet fuq is-salib biex jifdi d-dnubiet tad-dinja. Fil-ħlewwa tal-imħabba mogħtija lil Alla, Klara u Franġisk għarfu r-rabta qawwija li kienet iżżommhom magħqudin flimkien. Bejn it-tnejn nibtet ħbiberija profonda jew, biex ngħidu hekk, imħabba spiritwali li minnha rawmu l-kuraġġ u l-enerġija biex jgħinu lill- foqra u dawk li jeħtieġu l-għajnuna li fihom qatt ma waqfu jagħrfu lilhom i n f u s h o m . Klara u Franġisk għexu fis-safa verġinali, u qasmu b e j n i e t h o m , fi klima ta’ rispett sħiħ u ta’ gratitudni lejn xulxin, ix-xkilijiet u l-ferħ tal-ħajja.
Jekk hu minnu li l-imħabba tagħti sens lill-eżistenza tal-bnedmin, mela Klara u Franġisk, fil-għaqda ta’ rwieħ qraba u fid-devozzjoni lejn Kristu, saru messaġġieri ta’ mixja tal-ħajja li fiha l-bniedem jikber bla ma jinqata’ mill-iżvilupp reliġjuż. L-amour courtois li fih San Franġisk kien espert, għadu marbut maż-żmien li fih l-imħabba safja lejn il-mara – prototip tal-ġmiel ideali u għajn ta’ virtù – kienet il-mezz meħtieġ biex jintlaħaq grad għoli ta’ elevazzjoni spiritwali.
Dan jgħinna nifhmu l-imħabba ta’ missier u l-modi ħelwin li l-Qaddis ta’ Assisi offra lil Klara (li hi wkoll wieġbet b’kuri mimlijin bl-imħabba u l-premura). Huma kienu jikkumplimentaw lil xulxin, mingħajr ma wieħed ried jogħla ’l fuq milloħra. Franġisk laqa’ fl-essenza tiegħu ta’ raġel il-kwalitajiet femminili ta’ Klara – ħlewwa, sensibbiltà u sabar. Klara, min-naħa l-oħra, għamlet tagħha d-doti maskili li tagħhom Franġisk kien il-ħarries: il-qawwa fiżika (li ma kinitx tidher minħabba ċ-ċokon ta’ ġismu) u morali, ir-raġuni u l-ordni f’kollox. Fil-qasam ta’ Alla Klara u Franġisk ħawlu l-għeruq ta’ mħabba reliġjuża. Kull rabta affettiva bejn raġel u mara trid titkejjel fuq l-eżempju taż-żewġ qaddisin: it-tnejn miftuħin, b’bilanċ u serenità, għall-ftehim ta’ xulxin. Mhumiex biżżejjed, mela, il-pjaċiri li jintemmu ta’ din id-dinja, għax dak li jiswa hu tabilħaqq l-imħabba, f’kull għamla li turi ruħha. Sakemm tistmerr dejjem il-vjolenza u l-velu tal-oppressjoni.
Silvia Ceccarelli