X’nifhmu b'Bijoetika?Fr. Josef Pace OFM Conv
Ħafna drabi tintuża l-kelma bijoetika jew fatti etiċi iżda ma nkunux nafu eżatt għalxiex ikunu qed jirreferu.
Il-kelma ‘bijoetika’ ġejja mill-kelma Griega Bio li tfisser ħajja u Ethos li tfisser mod ta’ kif tgħix. Infatti San Tumas ta’ Aquino jħares lejn l-etika bħala habitus – libsa. Proprju dan hu x-xogħol ewlieni tal-Bijoetika; dak li tagħtina gwida biex nagħmlu għażliet għaqlija u tajba f ’kull ambitu tal-ħajja tagħna.
Il-Kelma Bijoetika bdiet tintuża dejjem aktar f ’dawn l-aħħar snin li fid-dinja t-teknoloġija u x-xjenza żviluppaw b’rata mgħaġġla ħafna. Inħarsu biss lejn l-ambitu tal-mediċina u naraw b’mod ċar x’passi ta’ ġgant saru li tejbu ħafna l-kwalità tal-ħajja tal-bniedem.
Għalkemm ħafna jaħsbu li l-Bijoetika topponi l-iżvilupp xjentifiku teknoloġiku, dan mhux il-kas. It-teknoloġija u x-xjenza huma elementi li fl-intelliġenza tiegħu il-bniedem ħoloq biex mhux biss jirranġa jew ifejjaq imma biex itejjeb anki l-kwalità tal-ambjent li fih jgħix. Huwa dan li jagħmilna differenti minn ħlejjaq oħra: il-ħila mhux biss ta’ addattament imma anki li nimmodifikaw u ntejbu l-ambjent li fih aħna ngħixu. Wara kollox kif insibu fil-ktieb tal-Ġenesi aħna co-workers ma’ Alla. Aħna imsejħin biex nikkollaboraw mal-Ħolqien tad-dinja meta Alla jgħid lill-bniedem: “Aħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art” (Ġen 1: 26).
Dan l-iżvilupp li f ’dawn l-aħħar snin sar b’pass mgħaġġel ħafna jġib miegħu konsegwenzi li wieħed irid joqgħod attent u jiddixxerni tajjeb qabel ma japplikah fl-ambjent fejn jgħix.
Proprju hawn tidħol il-Bijoetika!
Il-Bijoetika hija suġġett li l-għan prinċipali tiegħu hu li jiddixxerni professjonalment skont kriterji xjentifiċi, kif ukoll morali, kull żvilupp ta’ natura teknoloġika xjentifika medika li l-bniedem jagħmel.
F’kull deċiżjoni li tittieħed għandna dejjem inżommu wieqaf il-prinċipju li d-dinjità u l-integrità tal-persuna, mingħajr ebda diskriminazzjoni, għandhom ikunu mħarsa u protetti.
Il-Bijoetika tittratta u tħares lejn il-bniedem b’mod sħiħ jiġifieri b’mod unitarju. Il-bniedem huwa magħmul minn ġisem, moħħ u spirtu. Huwa importanti ferm li kull deċiżjoni li tittieħed dwar il-bniedem għandha tikkunsidra dejjem dawn it-tliet elementi flimkien. Ħafna drabi, speċjalment fil-mediċina, inħarsu lejn il-bniedem bħala ġisem biss u ninsew jew ftit nagħtu kas tal-aspett psikoloġiku u spiritwali tiegħu.
Għalhekk il-Bijoetika Nisranija għandha bżonn l-għajnuna tat-teoloġija biex tiddawwal bir-rivelazzjoni ta’ Alla miktuba fl-Iskrittura Mqaddsa u mħabbra mill-Maġisteru tal-Knisja.
Għall-iktar tagħrif fuq l-argument