Save - the computer message
Ħaġa li laqtitni waqt li kont qed niskrolja il-facebook page tiegħi, kien poster li kien jgħid hekk: “Mela mhux minn dejjem kien jeżisti il-computer”. Aħna qegħdin ngħixu f’ġenerazzjoni fejn tista’ tgħid li l-kompjuter twieled magħna u trabbejna fih. Iżda d-domanda hi din:
Minn dejjem kien jeżisti l-kompjuter?
Għalkemm ir-risposta għall-ewwel tidher faċli, fil-verita’ m’hix daqshekk immedjata. Bla dubju li l- kompjuter mhux minn dejjem kien jeżisti u dan kulhadd jafu...nispera! Imma issa ejja nħarsu lejn il- kompjuter b’lenti differenti.
Id-DNA tal-bniedem hija relazzjoni għaliex min ħalqu hu Relazzjoni bejn tlett persuni! Għalhekk il-bniedem ma jistax ma jkunx Relazzjoni. Dak li l-proverbju Ingliż jgħid: “No man is an island’ ma waqax mis-sema. Ġara illi r-relazzjonijiet li beda jibni l-bniedem fiċ-ċirku żgħir tar-raħal tiegħu ma kinux biżżejjed allura ried iwessahom aktar u b’hekk ġie vvintat it-telephone. Dan ma kienx biżżejjed ukoll u l-komunikazzjoni bdiet dejjem iżjed titwessa’ sakemm id-dinja ġiet raħal wieħed. Ħaġa tal-iskantament mir-raħal ħriġna fid-dinja sakemm ġibna d-dinja raħal wieħed.
Insomma, wara xi żmien daħal l-internet u l-mezzi ta’ komunikazzjoni splodew. Tista’ tiċċettja ma’ min trid: il-ħames kontinenti saru xibka sħiħa ta’ komunikazzjoni. Din hi it-teknologija llum.
WOW!
M’hemmx kelma oħra xi tgħid. Il-bniedem ħalaq ieħor bħalu li kważi kważi aħjar minnu: jista’ jivvjaġġa fejn irid u fi ftit ħin idur id-dinja kollha; jidħol fid-djar ta’ min irid; jitkellem il-lingwi kollha; jixtri dak kollu li jaqbillu minn ħwienet virtwali; jieħu dak kollu li l-immaġinazzjoni ta’ moħħu tissuġerilu ... insomma l-bniedem quddiem din ir-realtà iħossu infallibli!
BREAK!
lI-bniedem ħoloq il- kompjuter fuq sura u xbieha tiegħu però mhuwiex BNIEDEM.
Veru li l- kompjuter għandu memorja li fiha tista’ żżomm kollox u dak li tagħtih jagħtik.
Veru li bi klikk fuq “Add friend” fuq facebook ikollok ħbieb kemm trid.
Veru illi bi klikk “delete” tħassar id-data kollha mingħajr problemi.
Veru li tista’ jkollok dak kollu li tixtieq ... kull ma’ trid virtwalment mhux realment, tista’ tieħdu.
Però din mhix ir-realtà kollha tal-bniedem.
M’hix it-true story (il-veru storja dwar) fuq il-bniedem.
Naraw ftit mill-viċin ċertu fatturi li ġa semmejna.
Nibda bl-effiċenza tal-moħħ tal- kompjuter. Veru li llum mingħajru ma tagħmel xejn, biss però il-loġika tal- kompjuter daħlet ħafna fuq kif inħarsu lejna nfusna, lejn l-oħrajn u fl-aħħar mill-aħħar tmiss anke ir-relazzjoni tagħna m’Alla.
Tgħiduli kif?
Għalkemm il- kompjuter jista’ jżomm ħafna data ġo fih u jagħti għajnuna kbira lill-bniedem, huwa xorta jibqa’ robot! Naħseb li kulħadd jaqbel miegħi li l-bniedem m’hux robot imma qatt ħsibtu għaliex?
Il-kompjuter jagħtik lura dak li tagħtih int. Hekk nissejvja fih affarijiet tajba affarijiet tajba ser jagħtini imma jekk niftaħ siti kkontaminati b’xi virus ser inmarrad il- kompjuter tiegħi. F’dawn l’aspetti għamilna il- kompjuter jixbaħna però mhux għal kollox. Il-bniedem huwa dotat minn LIBERTÀ u minn RIEDA li l- kompjuter m’għandux u ħafna drabi aħna ngħixu bħallikieku l-anqas aħna m’għandna.
Xi dnub!
Il-Libertà u r-Rieda huma dawk iż-żewġ karatteristiċi li jagħmluna bnedmin u mhux robots! Għall- bniedem mhux biżżejjed nagħmel delete fuq ċertu files tal-passat tiegħi u jitilqu fir-recycle bin u minn hemm inħassarhom darba għal dejjem. L-eperjenzi negattivi fil-ħajja tagħna m’humiex daqshekk ħżiena li jħassrulna s-sistema kollha tal-mother board imma qegħdin hemm biex jagħmluna nies! Ir-realtà tat-tbatija fil-ħajja tagħna ma tiġix imħassra imma rrikonċiljata. Fir-realtà tal-ħajja tagħna hemm żewġ għażliet sempliċi quddiem it-tbatija: jew tħalliha tgħaffġek jew tkabrek. M’hemmx triq oħra ... ma tistax titfagħha fir-recycle bin!
Eżempju ieħor huma r-relazzjonijiet ma’ ħaddieħor. Aħna imdorrijin li fuq facebook bi klikk ikollok ħbieb kemm trid. Imma kif jgħid il-Malti: “Meta ssib ħabib tkun sibt teżor”. B’din ir-realtà ta’ facebook, msn, twitter eċċ. M’għadniex niddistingwu ħbieb minn kumpanji. Interessanti darba, fuq facebook stess, ġabu filming fuq wieħed li jġib fir-realtà il-loġika ta’ facebook. Wieħed jistà jinnota kemm hi realtà stramba li ngħixu. Nissuġġerilkom tarawh[1]! Dawk in-nies kollha li niltaqgħu magħhom fuq ix-xogħol, l-iskola, fil-postijiet tad-divertiment, u l-meżżi ta’ komunikazzjoni huma kumpanji. Il-ħbieb huma dawk li tgħoddhom fuq subgħajk! Il-ħabib veru hu dak li ssibu fil-bżonn u jafek inside out . Tistà tiftaħ qalbek miegħu u hekk ikollkom xi tgħidu ma jikklikjax unfriend u daqshekk eżistejt għalih.
Fl-aħħar nixtieq nitkellem fuq ir-relazzjoni tagħna m’Alla. Ħafna drabi nistħajjel lil Alla bħala Google search ... fejn eżempju tiktiblu “cars” u jġiblek ruxmata sites, images u fosthom il-wikepedia site biex tkun taf l-informazzjoni kollha li teħtieġ.
Fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla l-istess? U jekk ma jtellalniex dak li nixtiequ, x’nagħmlu? Nibdlu s-search engine? (il-blog?) Wara kollox Google u l-magni l-oħra tar-riċerka dejjem jagħtunaa dak li hu ta’ ġid għalina?
L-ewwel ħaġa li tlifna hu is-sabiħa kapaċita’ tal-istennija. Illum tibgħat e-mail f’sekonda u terġa’ tirċivi lura wara sekonda. Ma nafx min minnkom rail-film ta’ Bruce Almighty meta jirċievi dawk l-emails kollha u jirrispondi ok għal kull talba li waslitlu: x’ġara? Straġi sħiħa. Għalhekk meta Alla ma jweġibx mill-ewwel għall-emails (talb) tagħna tajjeb li nistennew għax nafu li għall- ġid tagħna u wara kollox nafdaw ftit fil-providenza ta’ Alla li jieħu ħsieb jitma’ l-għasafar tal-bejt u jlibbes il-ġilji aħseb u ara x’jagħmel għal uliedu!
Il-bniedem ħoloq il- kompjuter fuq xbieha tiegħu mma l-mudell li fuqu għandu jibni l-umanità tiegħu huwa Ġesù Kristu. Hu il-mudell li fuqu l-bniedem għandu jifforma l-personalità tiegħu. Għalhekk tajjeb li nagħmlu save fil-motherboard (i.e moħħna) li Ġesù hu it-triq, il-verità u l-ħajja. Min jimxi warajh jgħix għal dejjem...isir BNIEDEM.
Fr Josef Pace