Minn Assisi: Jiktbilna Fra Robert Calleja
Laudate et benedicete mi' Signore' et ringratiate et serviateli cum grande humilitate
"Faħħru u bierku, il-Mulej, u roddlu ħajr u aqduh bl-akbar umiltà”, L-aħħar żewġ vrus tal-Għanja tal-Ħolqien miktuba minn San Franġisk huma l-kliem li matul dawn l-aħħar tminn xhur qed ikunu hafna f’qalbi u talbi. Ta’ 38 -il sena, ftit kont nobsor li ħa nkun qed nagħmel in-novizzjat gewwa Assisi, eżattament fis-santwarju fejn hawn midfun Missierna San Franġisk, iżda it-toroq ta’ Alla huma tal-għaġeb: Misteru ta’ mħabba bla qjies. Din l-esperjenza tant importanti qed ngħixha flimkien ma’ Fra Michael Grech minn Burmarrad kif wkoll ma’ 10 novizzi oħra minn diversi pajjiżi.
San Frangisk xtaq li dawk li jinġabru madwaru, jibnu ħajjithom fuq il-Vanġelu, wara kollox, il-Vanġelu huwa l-aħbar it-tajba, li Alla iħobbna b’imħabba speċjali, wisq qabel twelidna kien ġa ħabbna, u meta wkoll waqajna fid-dnub, baqa’ jħobbna, u bħal aħwa ta’ l-istess Missier mistednin li nħobbu bl-istess mod kif iħobbna HU. U jekk dan ma jagħtix il-ferħ veru, ma nafx x’jista jkun li jagħtih. Kif tista ma tħobbux!!!.
In-novizzjat huwa żmien li bih tibda il-Ħajja Reliġjuza, sena li fiha persuna tkompli tiskopri ir-rieda t’ Alla għaliha. Wara sena, flimkien mas-Surmast li jkun qed imexxi lin-novizz, jekk huwa minnu li tinħass sejħa ġenwina, wieħed jersaq biex jagħmel il-professjoni sempliċi, wegħda li jgħix l-Ubbidjenza, fis-safa u b’xejn tiegħu. Forma partikolari ta’ ħajja li permezz tagħha, persuna tingħata kollha kemm hi lil Alla.
Il-programm tan-Novizzjat huwa impenjattiv iżda varjat.
Nibdew bit-talb u quddiesa kommunitarju fis 6.30 ta’ filgħodu. Inkunu madwar 60 patri, li flimkien ma’ diversi sorjiet u lajci li jgħixu fil-qrib, nibdew il-ġurnata infaħħru lil Alla.
Filgħodu ikollna lezzjonijiet formattivi fuq suggetti varji relatati mal-Ħajja Religjuza u ovvjament fuq il-ħajja frangiskana. Xi temi kienu; Storja Frangiskana, qaddisin u mistici frangiskani, ir-Regola li kiteb San Frangisk kif wkoll id-dokumenti li il-Knisja kitbet fuq il-ħajja reliġjuża.
Filgħaxija il-programm huwa iktar varjat, ikollna sports, jew xi mixja, provi tal-kant, xogħol manwali b’mod specjali xogħol fl-għelieqi li hawn madwar is-Sacro Convento u ovvjament ma jistax jonqos it-tindif. Nagħtu servizz ukoll f’residenza ta’ persuni b’abiltajiet diversi li jisimha ‘Serafico’.
F’nofs in-nhar il-patrijiet, flimkien mal-pellegrni, jinġabru madwar il-qabar ta’ San Frangisk għat talb ta’ nofs il-jum: mument sabih fejn noffru it-talb tagħna u tal-eluf ta’ pellegrni li jiġu minn kull parti tad-dinja lil San Frangisk, biex jidħol għalihom quddiem Alla l-Missier fil-bżonnijiet tagħhom.
Kellna diversi mawriet f’santwarji diversi marbutin ma’ mumenti partikulari fil-ħajja ta’ San Franġisk. Fost oħrajn żorna, Greccio: fejn għamel l-ewwel presepju ħaj, Poggio Bustone: fejn għex b’mod tant konkret il-ħniena ta Alla. Morna wkoll Fonte Colombo: fejn kiteb ir-regola franġiskana.
Filgħaxija, fis-7, il-kommunita’, flimkien ma’ għadd sabiħ ta’ lajċi, terġa’ tinġabar għat-talb tal-Għasar u wara ikun hemm mument ta’ talb li jvarja minn jum għall-ieħor; Lectio Divina, Adorazzjoni Ewkaristika, Adorazzjoni tas-Salib kif wkoll naghmlu t-tifkira tal-mewt ta’ San Frangisk. Fl-10pm in-novizzi ningabru għat-talb ta’ Għeluq il-Jum u wara silenzju.
Ma jonqsux il-mumenti sbieħ ta’ Fraternita flimkien: xi passiggata zgħira, jew naraw xi film sabiħ u indoor games. Mument sabiħ ieħor huwa meta niċċelebraw il-qaddisin protetturi tagħna u egħluq is-snin. F’dawn il-mumenti nagħmlu festin zgħir u hija impressjonanti kif filli ma jkun hawn xejn u malli jasal wieħed minn dawn il-festini, dejjem jitfacca xi naqra ħelu jew xi ħaga tajba mill-gastronomija tajba li l-Italja taf toffri! Dan kollu nghixuh fi spirtu ferrieħi, iżda wkoll sempliċi.
Ma jonqsux il-mumenti iktar diffiċli, xi kunflitt ma’ xi ħadd, jew meta jinħass in-nuqqas tal-familji li ħallejna warajna. F’ċerti ġranet l-għejja tagħmel taghha wkoll, iżda f’dawn il-mumenti qed nitgħallem nagħraf li Alla huwa dejjem miegħi u jinqeda bihom biex jgħini naffaċċja dawn is-sitwazzjonijiet u kif wkoll permezz tagħhom dejjem qed ikompli jiffurmani.
In-Novizzjat huwa żmien tassew speċjali, li tiegħu nirringrazzja lil Alla, fuq kollox, għax permezz ta’ din l-esperjenza qed inkompli nagħraf kemm Alla jħobbni u kemm hija għażiża u ħelwa t-tgħannieqa tiegħu.
Sliem minn Assisi
Fra Robert Calleja