Minn Assisi: Jiktbilna Fra Michael Grech

Is-Sliem,

            Matul is-sena tan-Novizzjat li qiegħdin ngħixu jiena u  Fra Robert Calleja flimkien ma' grupp ta' għaxar novizzi  minn nazzjonijiet oħra, qiegħdin nanimaw lir-residenti tal-Istitut  Serafico f'Assisi stess, istitut li jilqa' lil nies neqsin mid-dawl u mis-smiegħ. Madankollu mal-ħtieġa taż-żminijiet beda jilqa' wkoll lil persuni b'diżabilitajiet oħra.

            Is-servizz tagħna huwa li nhar t' Erbgħa wara nofsinhar niltaqgħu fil-kappella tal-istitut stess fejn nippreparaw lir-residenti għall-Vanġelu li jkun ser jinqra il-Ħadd li jmiss. Permezz ta' mistoqsijiet qosra indirizzati lir-residenti ssir spjegazzjoni qasira, li tinvolvi lir-residenti stess sabiex jipparteċipaw għall-quddiesa tal-Ħadd li jkun jmiss. Dak li nkunu għidnielhom dakinhar, ijinġabar f'messaġġ ċkejken li r-residenti jitgħallmu, uħud bl-amment u jirrepetuha fil-quddies li ssir is-Sibt ta' wara. Il-quddies, li tkun dik tal-Ħadd, hi mimlija b'affarijiet li jgħinu lir-residenti jidħlu fiha permezz tas-sensi, għal dawk li ma jsitgħux jaraw u anke għal dawk li ma jistgħux jisimgħu.

            Ta' min isemmi wkoll li fi żmien il-Milied tajna sehmna ukoll f'reċta bi tħejjija għal dan iż-żmien tas-sena. Fi żmien il-Għid , tajna sehemna ukoll f'ċelebrazzjoni tal-ħasil tas-saqajn ta' kull resident.           

            Il-laqgħa tagħna mar-residenti tal-Istitut tgħin lilna sabiex inkunu nistgħu nintegraw magħhom. Il-ferħ tagħhom itina kuraġġ sabiex inwasslulhom il-messaġġ li nixtiequ nwasslulhom.  Ir-residenti bl-abiltajiet tagħhom jipparteċipaw fil-quddiesa  u l-animazzjoni li ssir l-Erbgħa; min per eżempju idoqq xi strument, min ikanta, min f'xi żifna ċkejkna jew inkella jagħtu servizz tagħhom fuq l-altar. L-emozzjonijiet tar-residenti huma mimlijin b'entużjażmu sabiex jsiru jafu lilna u min jiltaqa' magħhom.           

      Minn dan l-istitut ninduna kemm l-imħabba teżisti f'dawn in-nies u li dak li għandhom jagħtuh, il-ferħ, l-entużjażmu,u kull ma jiltaqgħu miegħu jaqsmuh magħna. Fiċ-ċokon tagħhom , ir-residenti tas-Serafico iwasslu l-messaġġ, “Gesu' ti voglio bene”, min fommhom stess, li Alla iħobb anke fiċ-ċokon tagħhom. 

Fra Michael Grech