Min isejjaħ u min iwieġeb
Dan l-aħħar bdejt avventura naqra partikulari. Erġajt qbadt naqra l-Bibbja mill-ewwel paġni tagħha. Huwa vjaġġ interessanti u sabiħ ħafna li fih bdejt niskopri r-relazzjoni sabiħa u tant umana ta’ bejn Alla u l-bniedem. Alla li joħloq lill-bniedem kapaċi jikkomunika miegħu u minn Adam u Eva ’l quddiem Alla jitkellem bħal ħabib mal-bniedem. Sintesi ta’ dan; nistgħu ngħidu li Alla żamm il-wegħda tiegħu li ma jħalli qatt lill-bniedem waħdu.
Waqt li qiegħed naqra, l-aktar ħaġa li laqtitni hi li Alla dejjem jieħu l-inzjattiva li jibda djalogu mal-bniedem. Infakkru lil Adam wara li staħba, lil Noè jibni l-arka, ’l Abraham jitlaq kollox u jmur fl-art imwiegħda, lil Mose fl-għollieq jaqbad, u oħrajn. Fattur komuni li rajt f’dawn il-vokazzjonijiet kien li Alla jitkellem bl-imprevisti. F’mumenti l-aktar strambi li fihom wieħed ma jistenniex li Alla sa jitkellem, bħal Abraham fi xjuħitu, Mosè hu u jirgħa n-nagħaġ, u Samwel waqt li kien rieqed. Għaliex jagħmel dan Alla? Għaliex huwa Alla ħieles li kull fejn jidħol iġib bidla fl-istorja tal-bniedem.
Nixtieq nieqaf ftit fuq il-vokazzjoni tal-profeta Samwel. Min jaf kemm-il darba qrajnieha u kkumentajna dwarha. Ħaġa li ġibditli l-attenzjoni kienet li meta Alla sejjaħ lil Samwel, it-tfajjel kien rieqed. Dak imprevist! Immaġina aħna! Imalla l-Mulej ma jkunx żveljarin għax malajr inqumu nitfulu.
Iva, Alla jsejjaħ lil Samwel meta jkun rieqed. U dan il-vers fakkarni f’vers ieħor tas-Salmi li jgħid: ‘Alla jkellem lil ħbiebu fl-irqad.’ L-irqad huwa l-mument li fih il-bniedem ma jkunx fil-kontroll tiegħu nnifsu. Ġismu jkun mistrieħ, moħħu jiftaħ il-bibien tal-immaġinazzjoni u l-ħolm u l-ispirtu jistenna. U lil minn jistenna? Jistenna lil Alla jkellmu. F’dan il-mument l-aktar vulnerabli li fih il-bniedem ikun għoddu mejjet, Alla jsejjaħlu biex iqum. Bħal donnu Alla jsejjaħ lil Samwel iqum għal ħajja ġdida. Dak li jiġri kull darba li Alla jidħol fil-ħajja tagħna; iqajjimna mir-raqda u jagħtina ħajja ġdida.
Interessanti, iżda, kif Samwel ma jagħrafx leħen il-Mulej. L-awtur jgħidilna li Samwel ma għarafx lill-Mulej għax kien ‘għadu ma għarafx il-Mulej, u anqas ma kienet ittarrfitlu l-Kelma ta’ Alla’(1 Sam 3: 7). Hawn jidher punt sabiħ u importanti ħafna għall-mixja spiritwali tagħna. Lil Alla nisimgħuh ikellimna mhux minn fuq it-telefon, bħalma tgħid il-kanzunetta ta’ Adele – Hello, imma nisimgħuh ikellimna fil-Kelma tiegħu stess li tinsab fil-Bibbja – il-ktieb ta’ djalogu bejn Alla u l-bniedem.
Ħaġa oħra li wieħed jista’ jinnota hi s-sehem ta’ Għeli fis-sejħa ta’ Samwel. Għeli kellu jtarraflu l-Kelma tal-Mulej u jwasslu għandu. Infatti, meta jagħmel hekk, Samwel iwieġeb għas-sejħa. Dan huwa sewwasew ix-xogħol tagħna l-Insara, aħna li aċċettajna l-Kelma u qed ngħixuha, li nwasslu lil kull persuna biex tagħraf lil Ġesù Kristu u nwasslulha l-Kelma tal-Evanġelu. Huwa Ġesù li jsejjaħ u mhux aħna. Direttur spiritwali tajjeb mhux dak li jgħidlek x’għandek tagħmel, imma li jwasslek għand Ġesù u jtarraflek il-Kelma tiegħu biex inti tkun kapaċi tisma’ l-vuċi tiegħu u twieġeb. Id-Djalogu veru ma’ Ġesù jrid issir!
L-aħħar ħaġa li xtaqt naqsam magħkom hija din: kif Alla ppreżenta lilu nnifsu quddiem Samwel. ‘Il-Mulej ġie, waqaf ħdejh, u sejjħlu bħal drabi oħra: Samwel! Samwel!’ (1 Sam 3: 10). Jibda l-awtur billi jgħidilna li l-Mulej ġie. Alla fil-ħajja tagħna jibqa’ jiġi u ma jaqtax qalbu minna. Kienu diversi drabi li sejjaħ lil Samwel u xorta baqa’ jsejjaħlu ‘bħal drabi oħra’. Ġesù ma jaqtax qalbu minnek – għandu fiduċja fik iżjed milli għandek fiduċja fik innifsek. Kif jgħid Ġesu lil Appostli fil-Vanġelu: ‘Jien sejjaħtilkom!’ Ikompli: ‘waqaf ħdejh’. Alla jinżel għal-livell tal-bniedem. Alla bħal kellu eye contact ma’ Samwel. Alla jkellem lil Samwel bħal ħabib. Anki miegħek Ġesù jitkellem ta’ ħabib. Jiġi jiltaqa’ miegħek fejn tkun. Alla lil Samwel sabu fit-tempju. Aktar ’il quddiem fl-istorja Ġesù jsejjaħ lid-dixxipli tiegħu fl-istat ta’ ħajja tagħhom; min uffiċjal tat-taxxi; min sajjied u min saċerdot. Alla jsejjaħ lill-bniedem fejn jinsab u jiftaħ djalogu ta’ ħbiberija miegħu. Dak li għamel ma’ Samwel hu dak li jrid jagħmel miegħek ukoll. Biss djalogu ma jsirx min-naħa waħda, hemm bżonn li min ikun imsejjaħ iwieġeb. Ma nħallux lil Alla tant on hold. Kull darba li Alla fetaħ djalogu mal-bniedem, dan issarraf f’missjoni. Il-Missjoni hi dik li nkomplu nwasslu din ir-relazzjoni tant sabiħa li hemm bejn Alla u l-bniedem. Hija din il-vokazzjoni ta’ kull Nisrani li jaċċetta ’l Ġesù Kristu fil-ħajja tiegħu u jwasslu lill-oħrajn.
Alla qiegħed issejjaħ min sa jwieġeb?
Josef Pace OFM Conv