Ma nitqażżekx
Kemm il-darba waqafna nammiraw xi presepju u tgħaxxaqna bih! Iżda x’fih titgħaxxaq quddiemu il-presepju? Il-presepju għal min jaqra s-sinifikat propju tiegħu jkexkxek, jbelħek u jġegħlek tassew tistgħaġeb bħall-Għaġeb tal-presepju. Kif jista’ jkun tiġġosta jew titgħaxxaq bil-presepju ja omm ta’ tarbija? Kif tista’ titpaxxa tħares lejħ ja missier li għandek it-tfal? Kont tkun kuntent li kieku kellek tqiegħed lill-ibnek f’dik il-mandra ta’ għar? Kien ikollok qalb tqegħdu f’dik il-maxtura? Inti le u qatt iżda Missierna tas-sema iva, għax minn dejjem prova jagħmel kuttrumbajsi biex forsi fl-aħħar nifhmu b’liema mod huwa jħobbna. X’kien lest jagħmel għalina biex jinfetħu għajnejna u nifhmu darba għall-dejjem li Alla huwa tassew differenti għall-kollox minn kif naħsbu jew nifhmu li Hu!
Alla ried jibda mill-bidunett jissensibilizzana biex nifhmu fejn hu Alla, fejn nista’ nsibu u fejn ikun fil-ħajja tagħna. Li kieku kellna nkunu nies li għexna fiż-żmien li twieled Kristu u konna niġi mqabbda nfittxu fejn setgħa twieled Ġesu’, żġur ma konniex inkunu kapaċi nsibuh. Min kien immur f’xi palazz, minn f’xi villa min f’xi dar lussuża, iżda min kien ser jazzarda jersaq lejn xi għar mnitten biex ifittex lill-Messija li kellu jitwieled?
Mill-bidunett Alla ried jurina li l-loġika tal-bniedem hija ferm ‘l bogħod mill-loġika tiegħu. Alla ma twelidx fil-palazz ta’ Erodi, l-anqas f’xi post qrib it-tempju għand xi saċerdot, l-anqas f’xi post nadif u mirqum, iżda f’daqsxejn ta’ għar u n-nies li għażel biex jindukrawh fit-twelid ma kienux il-familjari jew nies li tafdhom iżda ftit rgħajja, nies mwarrba minn kulħadd u anki mistkerħa għall-ħajja mmorali tagħhom.
Dan il-ħsieb kollu jrid iwassal għall-ħsieb wieħed biss. Int min int, tagħmel x’tagħmel, hi x’inhi ħajtek, qiegħed f’liema posizzjoni qiegħed, ħajja tajba jew mhiex, stajt tkun protagonist importanti fil-grajja tat-twelid ta’ Ġesu’. Mħarbta kemm hi mħarrbta ħajtek, imħarbta kemm hi mħarbta s-sitwazzjoni familjari tiegħek, mqallba kemm hi mqallba darek, Ġesu’ ma kienx ser jikkoppa jitwieled għandek, ħdejk. Dan il-Milied Ġesu’ reġa’ ġej iħabbat biex jitwieled għandek, tgħidx ma nistax nilqgħu għax għandi l-ħmieġ, għax kollox imqallab, ftakar din it-tarbija donna tħobb tgħix fil-ħmieġ. Din it-tarbija ma titqażżekx! Iftaħ. Nawguralek Milied qaddis.
P. Arthur Cutajar OFM Conv