Id-Dnub bħala Kundizzjoni - Is-salib bħala soluzzjoni
Minn P. Josef Pace OFM Conv
San Pawl huwa l-ewwel teologu li niltaqgħu miegħu fl-istorja tal-kristjaneżmu. Mhux biss evanġelista – dak li jwassal il-Kelma imma anke huwa teologu li jistudja, jikkummenta u jissistematizza l-istess Kelma. Interessanti l-ittri tiegħu mimlija spirtu u verità. It-Teoloġija tiegħu mhix daqshekk faċli biss ma jneħħi xejn mill-valur u l-interess li jista’ jqanqal l-Appostlu tal-ġnus.
Pawlu huwa dak li poġġa fiċ-ċentru tat-teoloġija tiegħu d-dnub u l-ġustifikazzjoni permezz tas-Salib. F’sentenza illi nsibu fl-ittra lill-Galatin Pawlu jispjega kif id-dnub huwa kundizzjoni u s-salib soluzzjoni. Dan insibuh fl-ittra lill-Galatin 6, 14: ‘Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta' Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja’.
L-Appostlu jiftaħar bis-Salib. Għalina hija xi ħaġa normali kważi moda li nġorru salib ma’ għonqna, nagħmlu tatoo jew inwaħħluh ma’ xi ħajt b’mod devozzjonali. Dan minħabba li ġejna mrobbija f’kultura ta’ pietà popolari dwar dan is-simbolu. Biss għan-nies tal-ewwel seklu bħal ma kien Pawlu u anke Ċiċerrun ma kinitx l-istess ħaġa. Ċiċerrun isejjaħ il-kruċifissjoni bħala summum suplicium jiġifieri l-eħrex kastig. Ħaġa interessanti li tajjeb inkunu nafu hi li l-Knisja mhux minn dejjem kienet tiftaħar bis-salib speċjalment dik tal-ewwel seklu minħabba l-messaġġ qawwi u vjolenti li kien iġorr miegħu. Il-mewt bis-salib kienet l-iktar mewt vjolenti, umiljanti u tal-mistħija li wieħed qatt seta’ jgħaddi minnha. Li tkun ikkundannat kemm mill-istat kif ukoll mill-istituzzjoni reliġjuża għall-mewt tas-salib ma kinitx xi ħaġa li ssemmiha aħseb u ara, kif jgħid Pawlu fl-ittra tiegħu, tiftaħar biha.
Wieħed allura jistaqsi għalxiex Alla għażel li jibgħat lil Ibnu biex jgħaddi minn dan il-kalvarju kollu? Ma setax b’kelma waħda ħassar id-dnub tagħna u konna mmorru back to square one? Id-dinja tal-lum tħares lejn id-dnub oriġinali bħala azzjoni ħażina li tista’ titranġa b’azzjoni oħra tajba. Jew inkella agħar u agħar id-dnub oriġinali ma jeżistix! Id-Dnub oriġinali li l-bniedem wettaq hija kundizzjoni li affettwat lill-bniedem kollu kemm hu fin-natura intrinseka tiegħu. Biex nifhmu sew dan il-punt, id-dnub għandna nħarsu lejh mhux bħalma kieku kissirt tazza u xtrajt oħra imma d-dnub huwa bħal addiction li waħdek ma tistax tfejjaq jekk mhux minn għajnuna ’l barra minnek. La darba huwa vizzju, wieħed għandu bżonn ta’ għajnuna esterjuri sabiex ifiq minn dak il-vizzju. L-istess ħaġa d-dnub! Id-dnub huwa addiction li kien hemm bżonn ta’ xi ħadd jeqirdu mill-għeruq! Kif jgħid Karl Bart fil-kummentarju qasir tiegħu lill-Ittra lir-Rumani, id-dnub jeħtieġ jigi kkundannat u l-bniedem li wettqu kkastigat. Dan ix-xi ħadd huwa Alla magħmul bniedem f’Ġesù Kristu msallab u mqajjem mill-imwiet. Kif insibu f’Isaija 53, 5: ‘Għas-saħħa tagħna waqa' l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna’. Alla biss fil-ġustizzja tiegħu seta’ jħallas id-dejn li bniedem wettaq meta għażel li jieħu f’idejh dak li kien mogħti lilu b’rigal.
Xi jfisser dan? Id-Dnub li għamlu Adam u Eva ma kienx li saru jafu jagħżlu t-tajjeb mill-ħażin imma li riedu jiddeterminaw huma stess dak li hu tajjeb u dak li huwa ħażin mingħajr il-preżenza u l-għerf ta’ Alla. F’kelma waħda dak li ngħatalhom bħala rigal ħakmuh taħt idejhom u rmew ’il barra minn ħajjithom lil Alla. L-istess storja nsibuha fl-Iben il-Ħali. Ħa t-testment u ’l missieru qisu bħala mejjet u telaq bla kliem u lanqas sliem. Tfakkarna ftit fil-mentalità ta’ din id-dinja li l-ewwel nużak biex nieħu mingħandek dak li rrid u meta naħseb li ma jkollix bżonnok iżjed narmik. Din l-istess ħaġa għamlu Adam u Eva ma’ Alla: Ħolqu tiċrita bejn Alla u l-bniedem. Din it-tiċrita setgħet biss tissewwa minn Alla magħmul bniedem Ġesù Kristu li huwa ż-żwieġ inkarnat ta’ bejn l-uman u d-divin.
Propju minn hawn Pawlu jġib il-ftaħir tiegħu. Niftaħar bis-Salib ta’ Ġesù Kristu! Dak is-salib li minnu ħarġet is-salvazzjoni. Dak is-salib li qered il-kankru tad-dnub permezz tal-mewt u ġab il-fejqan ġdid permezz tal-Qawmien mill-imwiet. Dan hu s-salib li aħna bħala kristjani għandna niftaħru u nxandru permezz ta’ ħajjitna. Nietzsche, filosofu ateu, jikkritika lilna l-kristjani li għandna aħbar hekk kbira u mbagħad ngħixu ħajja kuntrarja għal dan il-messaġġ. M’hemm xejn, jgħidilna Pawlu f’ittra oħra lir-Rumani 8, 35 ss., li jista’ jifridna mill-imħabba ta’ Kristu – ix-xabla, il-persekuzzjoni, il-mewt – xejn minn dan. Kollox ġie mirbuħ lanqas il-mewt ma waqqfitu, jgħidilna l-istess Pawlu fl-ittra lill-Filippin 2, 5 ss li tgħid: ‘Hu li għad li kellu n-natura ta' Alla, ma qagħadx, ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta' lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta' Ġesù - fis-sema, fl-art u f'qiegħ l-art – il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkupptejhom, u kull ilsien jistqarr: Ġesù Kristu hu l-Mulej, għall-glorja ta' Alla l-Missier.’
Għalhekk ikollna l-kuraġġ li nitilqu d-dinja korrotta mid-dnub u ngħixu bħala ħlejqiet ġodda fi Kristu. Kif jgħid l-istess Pawlu mhux iżjed jien li ngħix imma Kristu li jgħix fija! U wara li nkunu ċħadna dak li ċaħad Ġesù fuq is-salib, jiġifieri d-dnub, nintrabtu u niftaħru bis-Salib ta’ Ġesù Kristu simbolu tat-tama tagħna. Għandna nħossuna bħal Pawlu obbligati li nxandru dan il-misteru/realtà tal-fidi li minnu ħarġet is-salvazzjoni għad-dinja kollha.