Ġesu' mhux popolari 

P. Josef Pace OFM Conv

 

 

 

Il-personaġġ ta’ Ġesù huwa magħruf mad-dinja kollha. Huwa personaġġ li influwenza lid-dinja bil-preżenza u t-tagħlim tiegħu. Dan it-tagħlim influwenza ħafna d-dinja soċjali iżda huwa mibni fuq l-opri tal-ħniena li nebbħu diversi personaġġi li għexu ħajjithom imfassla fuq dan it-tagħlim fosthom San Franġisk ta’ Assisi, Madre Tereża u ħafna oħrajn. It-tagħlim tiegħu mhux biss influwenza l-isfera soċjali imma anki dik politika. Niftakru f’Martin Luther King li permezz tat-tagħlim tal-Vanġelu iġġieled kontra r-razziżmu bid-djalogu. Ma nistgħux ninsew tant qaddisin li tnebbħu minn Ġesù u għexu ħajja qaddisa u ta’ eżempju tajjeb li jibqa’ validu għalina llum.

Għalkemm il-persuna ta’ Ġesù hija magħrufa, iżda l-istil ta’ ħajja li jipproponi mhux popolari. F’liema sens qiegħed ngħid dan? Li nkun naf fuq Ġesù hija ħaġa tajba u ta’ min ifaħħarha. Iżda wieħed għandu jistaqsi: kif nafuh lil Ġesù? Mill-films? Minn dak li tgħallimna fid-duttrina? Minn dak li nisimgħuhom jgħidu? Jew lil Ġesù nafuh mill-Kelma tiegħu stess? Ħafna drabi meta wieħed jitkellem ma’ diversi Nsara jintebaħ li donnu kulħadd ħoloq ‘Ġesù għalih. Bħal, ngħidu aħna, l-espressjonijiet: Kristu iva – Knisja le; jew Ġesù tal-foqra biss; Ġesù li jippermetti d-dgħufija umana u donnu jħalli kollox jgħaddi; u oħrajn. Li jħassibna f’dan il-każ huwa li ħafna drabi noħolqu fiġura ta’ Ġesù għall-kumdità tagħna – biex inserrħu l-kuxjenza.

Min hu Ġesù?

San Ġlormu jgħid jekk ma tafx il-Vanġelu ma tafx lil Kristu! Ġesù wasal għandna permezz tal-Appostli li bl-esperenza li għamlu tiegħu setgħu wasslulna b’mod awtentiku min hu Ġesù u wrewna kif nistgħu nfasslu l-ħajja tagħna fuq dik tal-Vanġelu. Ġesù, bħala bniedem-Alla, ġie fid-dinja biex jurina min hu Alla l-Missier u min hu l-Bniedem. Ta’ min isemmi li Ġesù ġie biex isalva u mhux biex jikkundanna. Interessanti naraw kif din il-ħniena ta’ Ġesù kienet imfissrra maż-żmien. Il-Mixja tagħna wara Ġesù titwieled bis-smigħ tal-Kelma. Permezz tas-Smigħ, jgħidilna Pawlu, titwieled il-Fidi, wara li nkunu ftaħna widnejna għall-Kelma u ħallejnieha tikber fina. Din titlob minna sagrifiċċju biex niżvujtaw minna nfusna biex nimtlew biha. Imbagħad inkunu nistgħu nibdew nimtlew bil-grazzja tiegħu. Hawn fejn jidhol id-dixxipulat.

Permezz tal-mixja wara Ġesu aħna nsiru iżjed bnedmin xbihat tiegħu.

Din il-mixja mhijiex faċli u titlob minna żewg affarijiet importanti:

1.    Nagħrfu l-verità fuqna nnfusna. Aħna lkoll morda u neħtieġu l-imħabba u l-fejqan (= is-salvazzjoni) ta’ Kristu;

2.    Niżvutjaw bla waqfien lilna nfusna biex nimtlew dejjem iżjed bih.

Dan it-taħriġ jitlob minna umiltà kbira. Dik l-istess umiltà li għex Ġesù fil-Kenosi tiegħu: Hu li ma qagħadx iqis tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox (iċċekken – umilja ruħu) u sar ilsir għalina biex fih aħna nsibu l-ħelsien.

Meta Ġesù stieden liż-żagħżugħ għani biex jitlaq kollox u jimxi warajh dan sewwed qalbu u telaq. Niftakru wkoll fid-diskors Ewkaristiku ta’ Ġesù, fi Ġwanni, li minħabba fih ħafna telquh u hu stieden lill-Apposlti li jekk iridu jitilqu huma wkoll. Fl-aħħar fil-Vanġelu skont San Mark Ġesù jinsab waħdu fuq is-salib!

Għalhekk nistgħu ngħidu li Ġesù hu famuż (magħruf minn kulhadd) imma mhux popolari! Li timxi warajh mhux faċli għalkemm jaqbillek. Ġesù mhux qiegħed isejħilna għal ħajja faċli imma awtentika u vera. Qed isejħilna biex nilqgħu sfida. Bħal atleta li jitħarreġ u jagħmel sagrifiċċji kbar biex jieħu l-premju. L-istess il-mixja tan-Nisrani wara Ġesu titlob taħriġ tajjeb u sagrifiċċju b’tama konvinta li sa nirbħu l-kuruna li qatt ma titbiel.