FEJN HEMM D-DLAM ĦALLINI NKEBBES ID-DAWL

L-ESPERJENZA TA' PATRI MARIO SANT ĠEWWA LONDRA

            F'Novembru tas-sena 2014, il-ministru provinċjal, ġie avviċinat mill-Ministeru tas-Saħħa biex il-Provinċja reliġjuża tagħna tieħu f'idejha missjoni ġewwa Londra. Dan kien jitlob li żewġ patrijiet jkunu responsabbli għas-servizz Pastorali u Spiritwali mal-pazjenti Maltin li jkunu fi sptarijiet varji fil-belt Ingliża. Din hija grazzja minn Alla li nislet ħafna ferħ minħabba li din l-istedina tagħti lill-Provinċja Maltija l-possibilita' li tkompli tgħix il-kariżma ta' Missierna Franġisku.                                               

San Franġisk u l-marid

            Il-marid kien ħafna għal qalb San Franġisk, niftakru b'liema kura materna Franġisku kien jersaq qrib il-batut u l-marid. Niftakru fl-episodju meta Franġisku jinżel minn fuq iż-żiemel, jersaq lejn il-lebbruż mingħajr ma beża' li jitniġġez mill-ġdiem, tah karita', biesu u għannqu miegħu, u ħass qalbu mimlija ħlewwa u ferħ profond. Franġisku skopra li Alla kien dejjem preżenti fil-qalb tiegħu u nduna li seta' jerġa' jsibu u jieħu ħsiebu, fil-lebbrużi, fil-foqra u fil-morda kollha, kemm tal-ġisem kif ukoll tar-ruħ. Franġisku mill-esperjenza tiegħu personali ta' marid fehem tajjeb li f'kull ċirkustanza ta' tbatija umana hemm dejjem bżonn li wieħed ikollu lil xi ħadd kalm u ġeneruż qribu, ma' min jaqsam il-mumenti diffiċli. Għalhekk, l-imħabba disinteressata, l-umilta', s-serenita' u s-sensibilta' kienu jgħinu lil San Franġisk jifhem u jingħata għall-marid. Infatti għalih il-persuni fil-bżonn kienu jiġu qabel kull regola. San Franġisk ma kienx biss idewwi u jgħin lill-lebbrużi, iżda għal perjodi twal kien jgħix magħhom, kien jaqsam magħhom kull aspett u kull mument ta' dik il-miżerja. Tant kien iħobbhom li kien iqishom daqslikieku ħutu, meta s-soċjeta' kienet tqishom ġa mejta. F’din l-esperjenza, it-tbatija għal fqajjar ta' Assisi issir mezz ta' purifikazzjoni u qdusija; don minn Alla milqugħ bi gratitudni u disponibilita' kbira.

             Jekk inħarsu lura fl-istorja tal-Provinċja reliġjuża tagħna, wieħed jiskopri li d-dħul tal-patrijiet Franġiskani Konventwali fil-gżejjer Maltin, ftit biss snin wara l-mewt ta' missierna Franġisku, seħħ propju biex jibda jingħata dan is-servizz spiritwali lill-morda fl-isptar tal-kavallieri ġewwa r-Rabat. Xhieda ta' dan hija d-devozzjoni lejn il-Madonna tas-Saħħa fis-Santwarju tar-Rabat, devozzjoni li għadha ħajja sallum u li tant nies jirrikorru lejha f'mumenti ta' problemi ta' saħħa.

L-appoġġ tal-komunita'

            Fid-dawl ta' dan kollu, din il-missjoni nisslet ħafna entużjażmu iżda wkoll sfidi għall-Provinċja tagħna. Entużjażmu għan-natura stess tal-missjoni u sfidi minħabba n-nuqqas ta' riżorsi umani fil-Provinċja. Fit-30 ta' Jannar 2015, ingħata bidu għal din il-missjoni. Jien u patri Stephen ngħixu l-ħajja franġiskana fil-komunita' tal-patrijiet tal-Kustodja Ingliża f'Waterloo, Londra. Aħna ingħaqadna ma' tlett patrijiet oħra tal-istess Ordni tagħna li kienu diġa jgħixu hawn (P. Jesmond - malti, P. Peter Damien - amerikan, u P. David - ingliż). Il-komunita' għalina l-patrijiet hija l-għajn tal-ħajja reliġjuża tagħna. Żgur li mingħajr l-appoġġ tal-komunita' ma konniex insaddu imqar ġurnata waħda f'din il-missjoni!                                          

Is-servizz ġewwa Londra

            Il-Pazjenti Maltin li jintbagħtu Londra biex jirċievu xi trattamenti mediċi, huwa minħabba l-gravita' tal-każijiet u l-bżonn ta' kura speċjalizzata li f'Malta mhijiex offruta. Huma madwar ħmistax l-isptarijiet f'Londra li fihom l-maltin jistgħu jintbagħtu għall-kuri speċjalizzati. U bħala numru ta' pazjenti li jitilgħu Londra huwa ta’ madwar ħamsa u għoxrin fil-ġimgħa. Uħud minn dawn ikunu għall-perjodi qosra ta' ftit jiem jew ġimgħat, filwaqt li oħrajn idumu anke xhur. Matul iż-żmien li ilna f'din il-missjoni iltqajna ma' diversi u tip ta' pazjenti: minn kull stat, klassi fis-soċjeta', reliġjon u ta' kull eta’: trabi tat-twelid, tfal, żgħażagħ, u adulti. Ħafna drabi dawn il-pazjenti jkunu akkumpanjati mill-qraba tagħhom. Għalhekk, dan jitlob li s-servizz tagħna jkun offrut ukoll għall-ġenituri u qraba tagħhom.

            Is-servizz li nagħtu lil dawn il-pazjenti huwa varju. L-ewwel u qabel kollox qegħdin hawnhekk għas-support morali, spiritwali u pastorali li jkollhom bżonn il-pazjenti u l-qraba matul dan il-vjaġġ. Nibdew il-jum fis-sebgħa ta' filgħodu biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fir-residenza tas-sorijiet franġiskani tal-Qalb ta' Ġesu' f'St.George's Drive, fejn jinsabu residenti wħud mill-pazjenti u l-qraba tagħhom. Filwaqt li nhar ta' Ħadd niċċelebraw quddiesa oħra fl-għaxra ta' filgħodu għar-residenti li jkunu ġewwa Sutton (fejn hemm l-appartamenti ta' Puttinu Cares). F'jiem liturġiċi speċjali għalina l-Maltin bħal Jum id-Duluri (tar-Randan), Santa Marija u oħrajn issir liturġija speċjali biex il-pazjenti u l-qraba iħossuhom kemm jista' jkun qrib anke dik li hija tradizzjoni għalkemm ikunu 'l bogħod minn pajjiżhom.

            Lill-pazjenti inżuruhom kull ġimgħa u anke iżjed skond il-ħtieġa. Immorru nżuruhom kemm fl-isptarijiet kif ukoll fir-residenza tas-sorijiet u fl-appartamenti ta' Puttinu Cares għal dawk li jkunu outpatients. F’kull żjara għal min ikun jixtieq, nitolbu mal-pazjenti, inqarrbnuhom u nqattgħu ħin nitkellmu magħhom. Xi drabi niġu msejħa ukoll biex namministraw is-sagrament tal-Magħmudija lil trabi tat-twelid, jew is-sagramenti tal-Ġriżma tal-Morda u tar-Rikonċiljazzjoni.  F’kas li l-kundizzjoni tal-pazjent tkun waħda kritika niġu msejħa b'emerġenza biex inkunu qrib il-pazjent u l-qraba bħala sostenn spiritwali. Drabi oħra huma t-tobba stess li jsejħulna nkunu preżenti meta tkun se tingħata xi aħbar lill-pazjenti dwar il-kundizzjoni ta' saħħithom.

l-Qawwa ta' ruħna u ġisimna

            Matul din l-esperjenza, intbaħna li l-mediċina għamlet avvanzi kbar iżda mill-banda l-oħra għandha l-limiti tagħha wkoll u li mixja ta' fidi akkumpanjata mill-imħabba biss, tgħin biex il-bniedem jibqa' jsib il-wens u l-paċi tal-qalb meta ma jkunx hemm iktar tama jew fl-estrem meta l-pazjent ikun qed itemm il-vjaġġ tiegħu fuq din l-art. F'din il-missjoni l-ewwel u qabel kollox inħossu il-qawwa ta' mħabbet Alla takkumpanjana mhux f'kull mument iżda kull sekonda. Il-grazzja ta' Alla taħdem ġmielha, u nħossu li l-pazjenti jsiru l-qawwa tagħna. Ġewwa Londra flimkien mal-pazjenti u l-qraba nsiru bħal familja waħda, fejn nibku, nitbissmu u nifirħu flimkien. Ngħixu kull mument speċjali magħhom, sew jekk aħbarijiet ta' niket u sew jekk aħbarijiet ta' ferħ. Iżda nintebħu wkoll li iżjed ma nersqu lejn il-pazjent iżjed għandna bżonn inkunu imqawwijin u mimlijin bil-grazzja tal-Mulej għax fl-aħħar mill-aħħar, dan huwa dak li jistennew minna, sew il-pazjenti kif ukoll il-qraba tagħhom. Ommna Marija Santissma, il-mara li ġarrbet u taf x'inhi t-tbatija u li baqgħet wieqfa taħt is-salib, inżommuha bħala t-tarka tagħna f'din il-missjoni, speċjalment f'mumenti diffiċli u anke ta' tiġrib.

Tirċievi ħafna iżjed milli tagħti

          F'din il-missjoni tintebaħ li tirċievi ħafna iżjed milli tagħti! Minn dejjem kont naħseb li l-aqwa universitajiet u skejjel tal-ħajja huma l-isptarijiet u l-aqwa għalliema tal-ħajja huma l-pazjenti. F'din il-missjoni dan il-fatt missejtu b'idejja! Ma stajtx ma ninnutax il-mixja umana spiritwali li jagħmlu dawn il-pazjenti u l-qraba tagħhom meta jiddeċiedu, li minflok jitgħaffġu taħt il-piż tas-salib, jitħallew jinbiddlu u jsiru jiddu iktar minn qatt qabel. Illum niftakar f'ħafna pazjenti għeżież li l-Mulej laqqgħani magħhom, li għażlu bil-għajnuna ta' Alla jagħmlu xi ħaġa sabiħa mill-marda innifisha tagħhom jew ta' qrabathom. Dawn il-pazjenti għallmuni li s-saħta tas-salib tinbidel f'barka meta s-salib jiġi aċċettat fid-dawl ta' Kristu. Dawn il-pazjenti saru fil-ħajja tiegħi theżżiża spiritwali fil-fidi, t-tama u l-imħabba.  

            L-esperjenzi varji ta' dawn il-pazjenti għallmuna b'liema atteġġament għandna noqgħodu fejnhom u mdawlin mill-fidi, b'mod partikulari imsejħin li nkunu xhud tal-imħabba fit-tbatija, nagħrfu fil-pazjent il-wiċċ ta' Kristu sfigurat mit-tbatija fil-Passjoni, filwaqt li nżommu l-kliem tiegħu: “Kull darba li għamiltu dan mal-iċken wieħed, għamiltuh miegħi.” (Mt 25, 40). Il-persuna li takkumpanja lill-pazjent trid tqiegħed lilha nnifisha għal dan is-servizz, bil-qawwa kollha tagħha, sabiex fl-attenzjoni tagħha, fil-ħarsa tiegħu, fil-ġesti, fit-tbissima, fil-kliem ta' konfort, fis-silenzji, il-pazjent ikun jista' jagħmel esperjenza tal-paternita', tat-tjubija ta' Alla, u mingħajr xkiel jagħraf jintelaq f'idejh.

L-Akbar miraklu

            Ħafna drabi l-akbar miraklu ma jseħħx fil-fejqan fiżiku tal-pazjent iżda fil-fejqan spiritwali tagħhom. Għalhekk lil hemm mir-riżultat mediku aħħari, il-pazjent dejjem jibqa' rebbieħ għal mod kif ikun għex dawn il-mumenti diffiċli. Infatti mhux l-ewwel darba li kellna każijiet fejn il-pazjent għadda għall-ħajja ta' dejjem u f'għajnejn id-dinja jkun jidher li tilef il-battalja. Iżda tassew li wieħed jirbaħ l-battalja u tassew ikun jistħoqqlu l-kuruna tal-glorja għal qlubija, l-imħabba u l-fidi li bihom ikun għex l-mumenti u l-fażijiet tal-marda. Għalkemm ikun hemm mumenti ta' dubbju, qtiegħ il-qalb u biża' iżda l-pazjent permezz tal-fidi jagħraf jegħleb kull ostaklu, u jsir hu stess strument ta' paċi għal dawk kollha li jżuruh. Il-pazjenti ħafna drabi jsiru dawl huma stess li jdawwlu d-dlamijiet tad-dinja.

            Grazzi lilkom pazjenti ħbieb li l-Mulej laqqgħani magħkom! Grazzi lilkom ħbieb li diġa' qegħdin tgawdu l-kuruna tal-glorja! Grazzi lilkom pazjenti li fis-skiet ta' kamritkom d-dar jew fl-isptarijiet, mingħajr daqq ta' trombi jirnexxielkom turuna x'inhu l-essenzjal tal-ħajja u tkunu ta' barka u sliem għalina, qrabatkom, ħbiebkom, infermiera u tobba, u lil kull min il-Mulej ilaqqgħakom miegħu!

 

patri Mario

 

Fejn hemm d-dlam ħallini nkebbes d-dawl