Ħajti għall-Familji - Patri Frans Deguara
"Jekk nerġa nitwieled mill-ġdid nerġa’ nagħmel l-istess għażla"
40 sena saċerdot: Patri Frans Deguara OFM Conv jaqsam magħna x'inhu dak li l-aktar jagħtih ferħ fil-ministeru tiegħu ta' Saċerdot Franġiskan
Grazzi Mulej ta’ dak kollu li għamilt miegħi matul dan iż-żmien: mixja li waħdi ma kont nasal qatt li nagħmilha.
Għaliex għażilt lili Mulej???
It-triqat tiegħek ħadd ma jafhom.
U kultant lanqas nifmuhom.
Is-sejħa tiegħi bħala saċerdot reliġjuż nafha lilek Mulej għax dejjem int mexxejtni fit-triqat tiegħek. Int turina t-triq mingħajr ma tuża vjolenza fuqna biex nagħmlu ir-rieda tiegħek.
It-triqat t’Alla mhux dejjem ssibhom faċli jew tifhimhom. Imma hu jurik xi jrid minnek permezz taċ-ċirkustanzi li tgħaddi minnhom. Qatt ma ddispjeċini ta’ l-għażla tiegħi bħala reliġjuż franġiskan u jekk nerġa nitwieled mill-ġdid nerġa’ nagħmel l-istess għażla: sejħa li dejjem ħassejtha minn mindu kont żgħir u baqgħet tikber miegħi mingħajr ma nħares lura. U ta’ dan nirringrazzja l’Mulej talli dejjem mexxini fit-triqat tiegħu.
Matul dawn l-40 sena kelli ħidma pastorali li mhux dejjem kienet faċli. Imma l-aktar xogħol li għandi għal qalbi hi l-ħidma pastorali mal-koppji għarajjes u mal-familji li għalija huma l-bażi tas-soċjeta. Għal diversi snin mexxejt diversi korsijiet tal-għarajjes bħala preparazzjoni għaż-żwieġ nisrani. Dawn huma mmexija mill-movimet ta’ Kana li jien membru tiegħu.
Ħadt sehem f’’diversi laqgħat mal-koppji għarajjes u miżżewġin waqt li nwettaq diversi siegħat nagħti counselling lil koppji li jkunu għaddejjin minn problemi familjari. Ħadt sehem f’diversi laqgħat u seminars tal-familji. Jien ukoll wieħed miċ-Chaplains tal-gruppi familji nsara.
L-esperjenza tgħallmek li l-familja hi sabiħa jekk tagħraf tgħixha fil-milja kollha tagħha imma fl-istess ħin mhix meħlusha mill-problemi ta’ kuljum li tgħaddi minnhom: problemi ta’ relazzjon bejn ir-raġel ul mara, ġlied, għira, piki u problemi ta’ relazzjoni bejn ġenituri u wlied. Fl-istess ħin titgħallem li mal-ward jeżisti wkoll ix-xewk.
Xogħol ieħor importanti hu wkoll dak ta’ religious counsellor fl-iskejjel privati. L-approach mat-tfal jgħinek tagħraf is-sbuħija u l-valuri li għandhom it-tfal.
Bħala issa qed inwettaq xogħol pastorali fil-parroċċa tal-Qawra flimkien mal-komunita Franġiskana li jien nifforma parti minnha. Hawn niltaqgħu ma’ nies bi problemi, nies morda fiżikment, mentalment u spiritwalment. Ġesu’ Kristu ġie għal kulħadd. Irridu nwasslu l-messaġġ tiegħu ta’ paċi u ferħ. Is-salmista jgħid:
Int Alla sidi ħanin u twajjeb, iddum biex tgħadab, kollok tjieba u fedelta’. Il-Mulej jagħti żmien għall-indiema. Kultant Mulej inkun jien stess li nidneb għax ma narax dejjem ix-xbieha tiegħek f’dak il-bniedem batut, fqir u minsi minn kulħadd. Agħtini d-dawl biex inpoġġi lilek fuq kollox u qabel kollox. Grazzi Mulej tas-sejha li għamiltli: għinni biex din is-sejħa inkompli inwettaqha sa l-aħħar nifs ta’ ħajti.
Nispiċċa bit-talba mis-Sagramentarju Ġelasjan:
Missier etern, dawl ta’ dawk li jagħrfuk
Ħajja ta’ dawk li jħobbuk,
Saħħa ta’ dawk li jservuk:
Għinna biex nagħrfuk dejjem iżjed
U naqduk aktar mill-qalb. Bi Kristu Sidna. Amen