Ħidma fl-Iskola - Patri William Bartolo OFM Conv
Qiegħed nibda dan l-artiklu minn ġewwa klassi fl iskola. Bħalissa qiegħed hawn biex inkun ta’ servizz għall-istudenti f’din l-iskola. Għadda żgħażugh u sellimli ‘haw father’, qalli kemm hu għajjien u baqa’ sejjer għall-klassi. Żgħażugh ta’ l-aħħar sena, għandu ħmistax il-sena u ma’ jħossx, ma jifhimx, jistħi minn sħabu li jiġi jkellem lil Father.
Jitbiddlu ż-żminijiet, niftakar aktar minn għoxrin sena ilu meta bdejt nattendi fi skola biex ngħin spiritwalment liż-żagħżagh, kienu differenti minn tallum. Kelli esperejnza partikulari għax l-iskola li kont immur kienet fl-istess inħawi tal-Kunvent li kont ngħix fih. Kien hemm grupp ta’ żgħażagh li kont id-direttur spiritwali tagħhom fl-iskola, kont ukoll responsabbli għalihom għax kienu abbattini u wkoll kienu jattendu l-laqgħat tal-vokazzjonijiet li kont norganizza.
Din esperjenza ta’ darba f’ħajti u dawn it-tfal illum huma rġiel li ħadu l-istat f’ħajjithom u naħseb li kelli sehem żgħir fit-tfassil tal-personalita’ tagħhom. Jien ukoll inħoss li tgħallimt minn din l-esperjenza. Dawn għadhom b’kuntatt ta’ ħbiberija miegħi u ngħid li kbirna flimkien kemm fis-snin u anke fil-mixja ta’ fidi tagħna.
Id-direttur spiritwali, wara din l-esperjenza li kelli, nemmen li għallmitni kemm hemm bżonn ta’ dan it-tip ta’ xogħol. Għallmitni li rrid nara flimkien mar-responsabbli tal-iskola kif se nkun ta’ għajnuna lil dawn l-istudenti llum u mhux għoxrin sena ilu.
Kull min hu nvolut f’dan ix-xogħol naħseb li jaqbel li fl-iskejjel sekondarja l-forms 1 u 2 jkunu għadhom jersqu lejn is-saċerdot biex jqerru u jitkellmu miegħu, fil-form 3 jibdew jonqsu biex imbagħad fil-forms 4 u 5 jarawha bi tqila u li issa huma kbar u ma għandhomx għalfejn imorru jkellmuh. Nistaqsi, tgħid il-mod ta’ direzzjoni spiritwali li qed noffru ma tappellax għal dawn iż-żgħażagh?
Waħda mill-isfidi tad-direttur spiritwali fl-iskejjel hija kif se jgħarraf lill-istudenti d-disponibilita tiegħu u l-għajnuna li qed joffri lill-istudenti kbar. Id-direttur spiritwali xi kultant mhux qiegħed juri l-prodott spiritwali tiegħu lill-istudenti.
X’inhu l-prodott li joffru d-direttur spiritwali? Id-direttur spiritwali huwa persuna reliġjuża (fis-sens li hu qed jimxi f’mixja ta’ fidi li tlaqqgħu ma’ Alla) u din il-mixja hija fil-bidu tagħha fil-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagh. Huwa jista jgħin f’din il-mixja lil dawn iż-żgħżagh u jgħinhom fil-ħajja ta’ fidi tagħhom. Il-ħajja ta’ fidi mhux biss tinvolvi l-aspett spiritwali imma wkoll il-ħajja umana tagħna. Dak li għaddejjin minnu ż-żagħżagh hija ż-żogħżija tal-istess Mulej tagħna Ġesu’ Kristu. Liż-żagħżagh għandna nippreżentawlhom iż-żgħożija sana u avventuruża tal-istess Ġesu’ Kristu.
Nemmen li għandna niddefinixxu xi nfissru llum b’direttur spiritwali. Direttur spiritwali ma huwiex għalliem tar-reliġjon, il-ħin tiegħu ma għandux jaħli billi jidħol fil-lezjonijiet li ma għandhomx għalliema. Id-direttur spiritwali għandu jinvesti fil-laqgħat personali, fejn jibni ħbiberija sinċiera u tajba mal-istudenti. Id-direttur spiritwali ma hux dispost biss għall-istudenti kattolici imma għandu jilqa wkoll u jitkellem u jisma studenti ta’ reliġjonijiet oħra. Hawn niftakar meta kont bdejt djalogu ma student lhudi sa anke stedinni fis-sinagoga tagħhom u stajt nifhmu aħjar u nitkellmu fuq il-fidi tagħna aħjar.
Id-direttur spiritwali xogħolu kien li jqarar u jqaddes fl-iskola, u nemmen li dan huwa x-xogħol prinċipali tiegħu. Bħalissa waqt li qiegħed nikteb fil-kamra tal-iskola hawn tlett żgħażagh jippreparaw it-talbiet tal-fidili u l-qari għall-quddiesa li se jkollna biex infakkru l-350 sena ta’ San Ġużepp ta’ Kopertinu, nemmen li huma għandhom jorganizzaw il-quddiesa fl-iskola u kemm jista jkun ikunu huma li jesprimu t-talbiet tagħhom fil-quddies. Anke l-qrar narah bħala meżż fejn dak li jkun jagħraf il-ħazin tiegħu, imma jagħrfu fl-isfera tal-ħafna tajjeb li għandu, il-qrar hija stqarrija ta’ ħtijietna imma wkoll għarfien tat-tajjeb li l-Mulej tana fil-ħajja.
Fr William Bartolo