32 Ħadd matul is-sena

Illum fil-Vanġelu Ġesu’ qed jgħidilna żewġ affarijiet mill-isbaħ. Qed jgħidilna li xi darba ser inkunu f’post li ser inkunu ħajjin għall-dejjem. Qed jgħidilna li Alla tagħna huwa Alla tal-ħajjin. U allura qed jistedinna mbiddlu mentalita’ tagħna li hija tajba imma mhux perfetta. Ħafna drabi aħna nirraġunaw li aħna għadna nagħmlu t-tajjeb fuq din l-art, noqgħodu bravi hawn isfel biex imbgħad wara li mmutu immorru kuntenti u ferħana fil-ġenna. L-idea hija tajba, ngħiduha kif inhi imma Ġesu’ imma qed jgħidilna biex naqilbu l-affarijiet.

Ġesu’ qed bħall-donnu iwiegħdna vaganza tajba. Mhux qed nesaġera tafux. Ftit qabel ma mar għas-salib Ġesu’ dan li kellu f’moħħu. Lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqgħodu.” Kif seta’ jgħixu is-salib jekk f’qalbu u f’moħħu t-tama tal-ħajja bla tmiem?

U allura wieħed li jaf li d-destinazzjoni tiegħu hija dan il-post hekk sabiħ, kif jista’ ma jgħix ta’ bniedem liberu, jew almenu jitlob li kuljum ikun bniedem ftit iktar ħieles? Kemm jiġrilna kultant, li għax ma narawx dak li hu mwiegħed lilna, nintrabtu ftit iżżejjed ma’ dak illi jgħaddi? Kemm –il darba għax mingħalina, aħna ser indumu hawn għall-dejjem, u għax ftit għadna il-viżjoni tal-ġenna indumu biex naħfru, indumu biex nagħmlu paċi ma’ min għamlilna d-deni? Min għandu il-viżjoni tal-ġenna huwa ġa ħieles, ġa qed jgħix hemm, ġa beda jxomm il-vaganza!

Ejjew inkunu nies li saqajna mal-art, hawn isfel, imma għajnejna fil-ġenna. Ġesu’ wiegħdna li f’dak il-post li sejjer iħejji ser ikun hemm nies li tħabbtu għall-ġustizzja, il-foqra f’qalbhom, dawk li tnikktu, il-ġwejdin, dawk li jġibu il-paċi. Ejjew naħsbu ftit x’hemm fil-ġenna. Ejjew nemmnu dak li qalilna Ġesu’, nagħtuh fiduċja, wara kollox jaqbel lilna. Ejjew naħsbu ftit x’hemm ‘l hemm minn din il-ħajja. Nieħdu idea minn hemm, biex inwettquwha hawn fl-art, u hawn ukoll jibda jsir post aħjar, jibda jsir ġenna. Insomma wara kollox, int tista’ tiddeċiedi jekk hawn fejn qiegħed tgħix tagħmlux infern jew ġenna, għalik u għall-oħrajn u kif tibda hawn, tkompli hemm!

 

Il-Ħadd it-tajjeb!