It-33 Ħadd matul is-sena

 

 

Ftit ilu kont qed nitkellem ma’ xi ħadd illi kien qed jagħmel programm ta’ dieta. Kien qed jgħidli li rnexxielu jonqos għaxar kilos. Id-dieta tiegħu kienet waħda li ħaditlu impenn; kuljum kien jipprova jagħmel xi forma ta’ eżerċizzju fiżiku, u ovvjament joqgħod attent li ma jiekolx affarijiet li jħaxxnu. Pero’ f’ċertu mument qalli: “Imma fr, issa bħall-donnu erġajt ħxint ftit”. U anqas temmnu x’kienet ir-raġuni. Dan l-imbierek siefer u allura f’dak iż-żmien iddeċieda li jieħu ftit brejk mid-dieta. Hekk kif ġie lura, tela’ fuq il-miżien u sab li l-miżien kienet spiċċatlu il-batterija. Staqsa lil xi ħadd sabiex tixtrilu oħra. U dan inkonxjament bħall-donnu iddeċieda li jkompli d-dieta, hekk kif jintiżen mill-ġdid. Il-batterija waslet xi xahar u nofs wara...immaġinaw x’qal kif ra n-numri fuq il-miżien. Dan seħibna xi ġralu? bilmod il-mod intelaq.

Hekk ġralhom l-ewwel insara. Hekk kif miet Ġesu’, kien hemm it-twemmin li Ġesu’ ma kienx ser idum biex jerġa jiġi u jieħu lil kulħadd miegħu il-ġenna. Xi wħud saħansittra waqfu jaħdmu għax qalu: “Issa la ġej, x’naħdmu nagħmlu?!”. Oħrajn filwaqt li kienu mħeġġa jxandru il-Vanġelu, meta bdew jaraw li dan Ġesu’ m’hemmx li jiġi, qatgħu qalbhom u ħallew il-fidi. Ħafna intelqu! U dawk li kienu jipproponu li Ġesu’ ġej dalwaqt, bdew jipproponu Kristjaneżmu diżimpenjat, kristjaneżmu li joqgħod ċiċċi beqqi, jistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqu, jistenna lil Ġesu’ ġej...”Hekk jew b’hekk u meta jiġi jagħmel kollox hu”.

Il-Vanġelu tallum imur propju kontra din l-ideja, l-ideja ta’ telqa. Ġesu’ stess iwissi kontra min jipproponi kristjaneżmu passiv: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: “Jiena hu,” u: “iż-żmien wasal.” Tmorrux warajhom! Imbgħad Ġesu’ jgħid ċar u tond li l-Vanġelu ma jista’ qatt jinfired mis-salib. In-nisrani għandu jkun jaf, anzi ċert li ser isib ruħu f’ċirkostanzi li ser ikollu jħallas prezz tal-fidi tiegħu. 

Dietrich Bonhoeffer, teologu luteran, ġermaniż li b’qlubija kbira ħadha kontra ir-regim nażista (infatti spiċċa maqtul minnhom) kiteb ktieb li jista’ jitfa dawl fuq dak li qiegħdin ngħidu. Il-ktieb jismu Nachfolge (bl-ingliż: The Cost of discipleship) li fih jagħmel differenza bejn il-grazzja irħisa u il-grazzja li tiswa. X’inhi d-differenza? Bonhoeffer jargumenta li spiss jiġrilna li nwaqqu il-prezz tal-mixja tagħna wara Ġesu’. Il-grazzja rħisa hija dik li tipproponi ħajja nisranija mingħajr impenn. Il-grazzja irħisa hija dik il-grazzja mingħajr dixxipulat, grazzja mingħajr salib, grazzja mingħajr Ġesu’ Kristu.

Il-grazzja li tiswa hija dik li tiġi mogħtija wara li wieħed jiddeċiedi li jimpenja ruħu ma’ Ġesu’, li jerfa’ salibu kuljum biex jimxi warajħ, li jitla’ quddiem slaten u gvernaturi u jagħti xhieda tal-fidi tiegħu. Kemm jiġri kultant li aħna nfittxu il-grazzja li ma tiswiex. Kemm irridu lil dak Ġesu’ li jgħannaqna miegħu u jfissidna, imma ftit li xejn nitgħannqu miegħu aħna meta mgħobbi bis-salib.

Forsi nistgħu nagħmlu dan għax komdi, għax drajna niċħdu il-fidi tagħna daqs li kieku qed nixorbu tazza ilma. Drajna ma ngħidu xejn għax jekk ngħidu jwaqqgħuna għaċ-ċajt, jeħduha kontrina, għax jgħidu li aħna moħħna magħluq, li ġejjin minn żmien ieħor, minn orbita oħra, nies li weħlu fit-tagħlim tan-nanniet u l-antikwati.

Imma forsi il-kliem ta’ Ġesu’ ser jitlef xi darba ir-rilevanza tiegħu? Mhux ħelsien qed jipproponi minn dawk li jistgħu jkunu l-idoli tagħna? Kemm jiġri lili u lilkom li nkaxxkru saqajna biex nagħmlu ir-rieda ta’ Alla, kemm malajr ngħidu: “m’għandix aptit”? Min jaf kieku naħsbu ftit f’min fid-dinja biex jkun ta’ Ġesu’ irid dejjem jaħrab, min jaf li tlett kwarti quddiesa taf tiswielu ħajtu! 

Ejjew inħallu lil Ġesu illum iqawwilna qalbna. Ejjew nħalluħ jagħtina  dik il-grazzja li mhix parodija tal-grazzja, imma jagħtina li tassew nimpenjaw ruħna f’kull ma hu tajjeb, veru u sewwa, anke jekk dan jiswielna prezz xi nħallsu. Ma nibżgħux nuru min aħna, x’aħna u fiex nemmnu għax nafu li Alla jqawwi x-xhieda tagħna. Mhux ser iħallina weħidna: “Jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih”. “Xagħra waħda minn raskom ma tintilifx”!

Il-Ħadd it-tajjeb