L-14 Ħadd matul is-sena
Mhux diffiċli ħafna li nimmaġinaw li din l-istorja setgħet ġrat f’pajjiż bħal tagħna. Anke art twelid Ġesu’ kienet art b’kultura kemmxejn magħluqa fejn kulħadd jaf lil kulħadd. Il-familja ta’ Ġesu’ kienet magħrufa sewwa, u wisq probabbli kienet familja bħal tagħna, bil-preġji u d-difetti tagħha. Il-familja ta’ Ġesu’ kellha oriġini fqajra, sempliċi, ta’ nies li jaqilgħu ħobżhom mill-ħidma ta’ kuljum. Wisq probabbli kien għad hemm xi ħjiel ta’ dubju dwar l-oriġini ta’ Ġesu’. “Aħna mhux ulied iż-żina”, insibu lill-Lhud jgħidu lil Ġesu’ fil-Vanġelu ta’ San Ġwann. Min jaf kienx hemmx xi ħadd li sar jaf li żmien qabel Ġużeppi xtaq jibgħat lil Marija bil-moħbi tan-nies.
Madanakollu xejn ma jwaqqaf lil Ġesu’ li jxandar il-Vanġelu. Ma qagħadx lura milli jlissen il-Kelma ta’ Alla, anke jekk fuqu setgħu, minn naħa tan-nies isaltnu ġudizzji u pre-ġudizzji. Ġesu’ kien “ta’ġewwa” għall-konċittadini tiegħu u allura kien ovvju li kliemu ma kienx ser iħalli daqshekk effett fuq is-semmiegħa tiegħu.
Aħna, ovvjament differenti minn Ġesu’. Jekk fuq Ġesu’ kellhom xi jgħidu, ma kienux ġustifikati. Jekk fuqna għandhom xi jgħidu, xi drabi jkunu ġustifikati.
Min ikun imsejjaħ ixandar il-Vanġelu dejjem ser jiltaqa’ ma’ xi ħadd li ser jsib xi ħaġa li ma ddoqx fih, fil-passat tiegħu, fil-familja tiegħu, fil-passat tal-knisja, fl-iżbalji li għamlet il-knisja hawn, jew ‘l barra minn xtutna. Wieħed faċli jaqta’ qalbu u jieqaf mix-xandir tal-Kelma.
Dan iżda, m’għandux jaqtalna qalbna. Id-dixxipli ta’ Ġesu’ m’għandhom qatt jaqtgħu qalbhom minħabba d-djufija tal-passat tagħhom jew tal-komunita’ li tagħha jagħmlu parti. Ix-xandir tal-Vanġelu jsir f’laqgħa bejn id-djufija tal-bniedem u l-ħniena ta’ Alla. L-ewwel komunita’ ta’ Ġesu’ bdiet bi djufija kbira. Ħadd mill-appostli ma seta’ jiftaħar li kellu passat eċċellenti. Pietru seta’ jiġi akkużat bħala dak li għal iktar minn darba ċaħad lil Ġesu’, filwaqt li Pawlu faċli setgħu jtemmawlu ma’ wiċċu l-fatt li fl-imgħoddi kien terrorista. Dan pero’ ma waqqafhomx li jkunu ħabbara mill-ikbar tal-Bxara t-tajba.
Kull darba li ssibha diffiċli ixxandar il-Vanġelu minħabba li xi ħadd pront pront ikun lest jċappaslek djufitek ma’ wiċċek ftakar li m’intiex ixxandar qdusitek, imma l-qdusija ta’ Alla. Ftakar li l-kejl tas-suċċess tal-Vanġeli mhux int, imma Ġesu’ Kristu.
L-istedina għall-koerenza tibqa’ dejjem attwali, daqs kemm tibqa’ attwali is-sejħa li xxandar il-Vanġelu. Jekk qed tistenna li tkun perfett biex tibda xxandar ibqa’ ċert li mhu ser tibda qatt. U Alla jilliberak li ssir perfett għax dak il-ħin stess li taħseb li int perfett, tibda xxandar lilek inniffsek u mhux il-Vanġelu.
Il-Ħadd it-tajjeb.