It-Tmintax-il Ħadd ta' Matul is-Sena
“Mhux li mitna b’id il-Mulej fl-art tal-Eġittu, meta konna ħdejn il-borom tal-laħam u konna nieklu ħobż bix-xaba’! Ħriġtuna f’dan id-deżert biex toqtlu bil-ġuħ din il-ġemgħa kollha!”.
Itik id-daħk tisma’ jew taqra frażi bħal din. Mela dawn l-imberkin qed jgħidu li aħjar ilsiera b’żaqqhom mimlija, milli ħielsa bil-ġuħ. Huwa vera li l-ġuħ ma jħallikx tirraġuna, imma mhux daqshekk! Ejja ma nistagħġbux iżżejjed bihom, għax aħna wkoll meta jkollna l-ġuħ ma nirraġunawx u żgur li ħafna nisa, qed jgħidu: “Iva, l-irġiel hekk huma, moħħhom biex jieklu u jorqdu”.
Imma aħna ilkoll bil-ġuħ, u meta jkollna l-ġuħ faċli li nimtlew b’nostalġiji għal dak iż-żmien li għadda u mar.
Jekk ikollna l-ġuħ għal ftit imħabba faċli jkollna nostalġija għall-qamar il-għasel li darba għexna u issa le. Kemm tiġri din f’koppji li għax il-ħajja donna saret wisq rutina, jibdew ibatu b’nostalġiji għal meta r-relazzjoni kienet biss tgħanniq u bews. Jista’ jirġi wkoll, li mingħajr ma nindunaw nibdew nixxenqu għal xi storja ġdida, li tagħti iva tqanqil emozzjonali, imma nieqsa minn kull sens ta’ għotja.
Jaqbdu l-ġuħ anke min ta ħajtu biex ixandar il-Vanġelu jew jgħix f’servizz totali għall-oħrajn. F’mument kulħadd jgħaddi minn mument ta’ għejja, u faċli li jkollna nostalġiji kbar għal meta konna żgħar u kulħadd kien jiggustana. Il-ħajja fil-bidu tal-ministeru, tidher wisq isbaħ minn dik li hi llum. Il-ħolm u l-idealiżmi tal-bidu, jidhru jikkontrastaw wisq mal-impenn li msejjħa ngħixu illum.
Min jarmi s-saħħa u jkollu ħafna xogħol jaqbdu l-ġuħ ukoll u tiġih nostalġija għal meta kien moħħ ir-riħ mingħajr l-inkwiet ta’ kif se jħallas il-kerha, u d-dejn fuq il-karozza. Għal ħajja mingħajr problemi ta’ tfal, u mingħajr l-inkwiet ta’ relazzjoni li donnha iktar teħodli milli ttini.
Min hu xi ftit nieqes minn saħħtu u ma jistax jaħdem daqs kemm kien qabel jaqbdu l-ġuħ ukoll u tiġih nostalġija għal dak iż-żmien li fih ma kienx jaf jieqaf, dejjem għaddej u jrid jibla’ d-dinja. Jinsa’ li anke dak iż-żmien kien igerger li għandu ħafna x’jagħmel u ma jistax ilaħħaq.
Insomma nostalġiji, nostalġiji u iktar nostalġiji.
Allura x’nagħmlu? Nbiddlu r-riga, ir-rutella, il-kejl li bih nikkalkulaw is-suċċess fil-ħajja. Nibdew nirraġunaw li l-ħajja għandha fażijiet differenti; fażi fejn jieħdu ħsiebek, fażi fejn tifforma ruħek, fażi fejn tagħti u fażi fejn tistieħ.
Is-suċess fil-ħajja mhux li jien nara kif nagħmel biex ma jkollix ġuħ, lanqas li naqta’ il-ġuħ b’kull ma jiġi quddiemi, imma li naqta’ l-ġuħ b’ikel bnin li dejjem huwa frott tal-ħidma tiegħi u l-provvidenza ta’ Alla.
Ġesu’ illum qed jgħidilna li kull min imur għandu ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fih ma jieħdu qatt il-għatx. Qed jgħidilna li f’kull ċirkustanza ta’ ħajjitna Hu hemm biex jagħtina serħan, ikel bnin li jsaħħaħna.
Forsi ħafna mit-tensjonijiet li jkollna mhux għax is-sitwazzjonijiet tagħna għadna ma tajniehomx lilU? Kemm se ndumu ngergru li kollox sejjer ħażin? Għaliex insibuha daqshekk diffiċli naddotaw attitudni ta’ tifħir? Kemm se ndumu biex nindunaw li biex infiequ irridu nieqfu u jkollna ħin miegħU? Għaliex il-ġiri wara ‘filosofiji’ ta’ kull tip biex inħossuna ftit aħjar meta s-soluzzjoni hi wara l-bieb? Dan l-aħħar qrajt artiklu li kien jgħid li xi xjenzati waslu għall-konklużżjoni li l-baħar għandu effett li jikkalmana. Isa ħej! Kellna bżonn artiklu biex nintebħu b’dan?!
Tajjeb li nsaqsu...
- X’ġuħ għandi?
- Mnejn hu ġej?
- Kif qed nfittex li nissodissfa lili nniffsi?
- Wara xiex qed niġri?
- Ilni ma nieqaf ftit u nafda s-sitwazzjonijiet tiegħi lilU?
Forsi tgħidu: “Too good to be true”. F’dak il-każ ma jkunx fadallek triq oħra ħlief li tipprova!
“Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx!”.
Il-Mulej jagħtikom is-sliem