It-Tmienja u Għoxrin Ħadd matul is-Sena
Niftakar storja ħelwa, li m’għandix l-iċken idea fejn u meta smajtha. Kienet tgħid xi ħaġa hekk. Wieħed raġel li kien imdejjaq ħafna mar jieħu parir mingħand wieħed mgħallem għaref dwar kif ser jeħles mid-dwejjaq kbar li kienu jifnuh. L-imgħallem għaref qallu: “Biex tkun ferħan trid tilbes il-qmis ta’ bniedem ferħan”. Għoġbitu l-idea u telaq għall-għonq it-triq ifittex raġel ferħan. Fittex u għarrex imma ma sab lil ħadd li kien tassew ferħan. Darba minnhom, kien miexi ġo bosk, iktar imdejjaq minn qatt qabel għax ma rnexxilux isib bniedem ferħan ħalli jkun jista’ jitolbu l-qmis. F’daqqa waħda sema’ kant u tisfir ġej minn x’imkien. Dak mill-ewwel għarrex minn fejn seta’ kien ġej dan il-kant ferrieħi. Mexa’ lejn minn fejn kien ġej it-tisfir u l-kant, u f’ħin bla waqt jilmaħ raġel iqatta’ z-zkuk tas-siġar. Ġera’ lejh u saqsieh: “Ħabib, int ferħan?” “Ħafna” wieġbu dak! “Mela tini l-qmis tiegħek ħa nkun bħalek” tkarrabblu l-imdejjaq, issa mimli tama. “Ma nistax ħabib, kif qed tara’ jien m’għandi xejn, anqas qmis”. Kien bniedem ferħan, imma ma kellu xejn.
Forsi tidher ftit banali l-istorja, u ‘l bogħod mill-mentalita’ u s-sensibiltajiet tagħna. Imma s-sugu tagħha hu ċar daqs il-kristall; li l-ferħ ma jiddependix minn dak li għandek, imma minn dak li int. Ngħixu f’mentalita’ li naħsbu li iktar m’għadna, iktar ser nkunu kuntenti. Komdi nkunu vera, imma mhux neċessarjament fil-paċi.
Dan l-argument tant huwa veru li mill-ewwel arana nsibu skużi biex niġġustifikaw l-fatt li l-flus huma bżonnjużi u ma tistax tgħaddi mingħajrhom. Ovvjament ħadd mhu jgħid il-kontra. Skużi li issa drajnihom u tant drajnihom li naħsbuhom veri bħall-ngħidu aħna: li mingħajr flus la tgħannaq u lanqas tbus, li bil-flus tagħmel triq fil-baħar, li ma rridx li uliedi jkunu agħar minn ta’ ħaddieħor, li kuħadd irid jiekol, li illum il-kumdita’ saret bżonn. Dawn kollha fihom ftit verita’ fihom, u huwa vera li aħna m’aħniex ruħ biss imma ġisem ukoll u l-ġisem biex tagħtih jiekol u fejn jorqod trid il-flus.
Imma ejja nkunu sinċiera u nammettu li ħafna drabi l-flus saru allat li jmexxuna minn imneħirna. Ħafna drabi l-flus jisfurzawna ninżlu għarkubbtejna quddiemhom. Ħafna drabi kapaċi nbiegħu ruħna għal-ftit iktar flus għax nispiċċaw nemmnu li soċjeta’ tmur tajjeb biss daqs kemm tiġġenera flus.
Imma l-verita’ hi li bħal kull ħaġ’oħra fid-dinja, anke fid-dinja tal-flus hemm tlugħ u nżul, daqqa fuq u daqqa isfel u nilludu ruħna jekk naħsbu li l-flus ser jirrendu dejjem.
Bosta drabi ninsew ukoll li iktar ma niġġeneraw flus, il-faxxa ta’ nies li mhux ser imisshom biċċa mill-kejk, iktar tikber.
Li hawn nies li qed ibatu minħabba l-kapriċċi ta’ min aktar m’għandu iktar irid.
Li l-ambjent li Alla tagħna biex nieħdu ħsiebu, ħafna drabi jispiċċa sfruttat minħabba l-kilba għall-flus.
Li minħabba qliegħ maħmuġ bosta minn ħutna, saħansittra uliedna jistgħu jispiċċaw vittmi ta’ droga, prostituzzjoni, logħob tal-azzard u forsi ħutna xi ftit iktar ‘l bogħod minnha jistgħu jispiċċaw vittmi ta’ traffikar uman, tal-pornografija jew xogħol ‘sfurzat’ b’paga miżera.
Uħud kapaċi jassentaw ruħhom mill-familja, bl-iskuża li qed jaħdmu għall-familja. Il-verita’ tkun li ma jkunux qed ilaħħqu ma’ standards għoljin iżżejjed li biex tilħaqhom trid neċessarjament tissallab.
U xi ngħidu fuq il-wirt? Kemm familji u ġenerazzjonijiet ta’familji tkissru fuq il-wirt; b’riżultat li aħwa ma jkellmux lil aħwa, u mibgħeda li tinżel minn ġenerazzjoni għall-oħra.
San Pawl jgħid li r-regħba hija idolatrija. Ma setax kien aktar vera u aktar ċar minn hekk. Il-flus, meta jsiru allat, jgħalluna. Il-flus huma tentazzjoni għal kulħadd, mill-kbir saż-żgħir, għan-nisrani u għall-ateu, fil-knisja, fil-komunitajiet ta’ fidi u reliġjużi u fis-soċjeta’.
Imma d-dixxerniment huwa wieħed faċli u għal dan irid iwassalna Ġesu’. Meta tara li l-flus, flok qed iservuk, qed isservihom għandek tinduna li x’imkien hemm problema. X’tagħmel kif tinduna li sirt skjav? Faċli. Agħti.
Il-Mulej jagħtikom is-sliem