It-Tlettax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Darba wieħed patri rrakkuntali storja ħelwa ta’ meta darba ċemplulu mill-isptar fit-tlieta ta’ filgħodu u għarrfuh li kien hemm pazjent li kien ilu jgħajjat “priest” minn xi tlieta ta’ wara nofs’inhar. Il-patri, miskin telaq lejn l-isptar. Mhux ħin sabiħ biex toħroġ mill-friex, l-iktar l-iktar meta tkun taf li stajt mort ħafna qabel. Insomma l-għoġba tiegħu iktar kibret meta wasal ħdejn il-pazjent u induna li dan ma kienx qed jgħajjat “Priest” imma “Please”. Il-pazjent kull ma xtaq kien li xi ħadd idawwru mill-pożizzjoni skomda li kien fiha imma miskin ħadd ma beda jifhmu. Is-saċerdot ħa ħsieb isejjaħ nurse biex iddawwru ħalli jkun ftit iktar komdu. Ta’ saċerdot tajjeb li kien ma telaqx ‘l hemm igerger li ħassrulu raqda imma qabad jitkellem mal-pazjent u saqsieh jekk jixtieqx iqerr jew jitqarben. Dak wieġbu li iva u l-aħħar kliem tiegħu kienu: “I’m happy”.
Forsi Ġajru kien iktar nkwetat minn dan is-saċerdot, u forsi anke il-mara li kienet tbati mit-tnixxija ta’ demm stħat xi ftit iktar. Minn naħa l-oħra l-istroja ta’ Ġajru ma tispiċċax b’mewt u il-mara marida bi tnixxiha tad-demm tfieq.
L-istejjer tagħna abbli spiċċaw b’mewt u wisq probabbli għadna nsofru mill-mard tagħna. Forsi aħna ma konniex daqshekk fortunati li nsibu min jgħina fil-mument li konna fil-qiegħ tal-wied mudlam. Bħalkom, u magħom jien ukoll bosta drabi staqsejt għaliex fid-dinja hawn tbatija, u ċerti stejjer jispiċċaw b’mod traġiku. Kemm -il darba iddubitajna fil-mument tal-prova! Kemm -il darba anke aħna rajna t-tama tagħna tinżel magħluqa ġo tebut fil-ħemda siekta taċ-ċimiterju. Kemm -il darba anke aħna, waqt xi funeral, staqsejna ‘il għala qed naqraw dan il-Vanġelu, jew il-Vanġelu ta’ Lazzru jew tal-armla ta’ Najm meta konna ċerti li l-għeżież tagħna mhux ser joħorġu minn dak it-tebut.
Madanakollu dan il-Vanġelu huwa stedina għat-tama. Jekk huwa veru li l-mewt hi ċerta, daqshekk ieħor hija ċerta l-fidi meta tgħidilna li kull mewt hija stedina għall-ħajja u li mill-mewt żgur ser tinbet ħajja ġdida. L-ikbar traġedja li tista’ tiġrilna hija li mal-mewt nidfnu t-tama.
In-nisrani malli taħsdu l-mewt, dak il-ħin stess, anke jekk dak il-ħin ma jħosshiex titwieled tama ġdida, għax il-ħajja ma tafx b’mewt.
Tajjeb li kieku llum induru ftit mal-mewt li hemm tgħammar f’ħajjitna; problemi familjari, mard ta’ kull xorta, mistoqsijiet kbar li ma jirnexxilniex nwieġbu, soċjeta’ li qed tmewwet il-valuri, knisja għajjiena, taħwid, inġustizzji, vizzji, u kull xorta ta’ mewt oħra u naraw fejn tinsab dik in-nebbieta zgħira żgħira ta’ ħajja. Biex nagħmlu dan l-ewwel irridu nammettu li hemm mewt, wara dan nitkarrbu għall-għajnuna biex dik il-mewt tibidel f’ħajja. F’dan kollu irridu nkunu paċenżjużi ħafna. Il-ħajja mhix maġija, kollox jieħu ż-żmien biex jikber u jimmatura. Irid ikollna l-fidi li dan id-diskors mhux mgħodija ta’ żmien u jrid ikollna t-tama li kif Alla mexa magħna fil-passat ser jerġa’ jagħmel l-istess fil-preżent u fil-ġejjieni. Jekk jirnexxilna naraw n-nebbieta żgħira tal-ħajja fl-imwiet tagħna nkunu aħna wkoll kapaċi nlissnu: “I’m happy”.
Il-Mulej jagħtikom is-sliem