It-Tletin Ħadd ta`zmien ta' matul is-sena
Id-dixxipli ta’ Ġesu’ qed isibuha diffiċċli ferm ‘jaraw’ li, l-missjoni ta’ Ġesu’, biex tħalli l-frott kellha tgħaddi neċessarjament mis-salib. In-nuqqas ta’ komprensjoni ta’ dak li qed jipprova jwassilhom Ġesu’, kif ukoll il-biżgħa mis-salib, twassalhom isibu rifuġju f’diskussjonijiet stupidi dwar min minnhom kien l-ikbar u dwar min kellu jogħod fuq il-lemin jew ix-xellug ta’ Ġesu’ meta dan jkun fis-saltna tiegħu. Frott ta’ din ir-reżistenza ta’ bidla fil-mentalita’ qed isibuha diffiċċli jkomplu miexja wara Ġesu’.
Minn naħa l-oħra illum niltaqgħu ma’ Bartilmew l-agħma li jaf li hu agħma u jitlob li jiġi jara. S’issa d-dixxipli għadhom ma ndunax li huma għomja u għalhekk qajla jitolbu għall-fejqan. Bartilmew, jispiċċa skomdu għan-nies tal-madwar, tant li meta beda jgħajjat bdew jgħajjtu miegħu biex jieqaf. Bartilmew jisfida u jgħajjat iktar. Forsi preferewh agħma għax hekk inqas jaqla’ inkwiet. Kienu jserħu il-kuxjenza billi jtugħ xi ħaġa tal-flus, imma milli jidher kienu komdi bih agħma.
Bartilmew, kwazi kważi, f’mument minnhom bħal donnu jagħtina l-impressjoni li ma kien agħma xejn. Malli Ġesu’ jsejjaħlu “tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesu’”. Forsi nistgħu nsaqsu: “Imma kif mexa waħdu; kif tar lejn Ġesu’? Jista’ jkun għax sema’ leħnu. Għalkemm, bħala interpretazzjoni tidher kemmxejn imġebbda jew banali, nistgħu nieħdu l-impressjoni li d-diżabilita’ ta’Bartilmew kienet il-mantar li kellu fuqu. Malli tajru minn fuqu tar lejn Ġesu’.
Hu x’inhu Bartilmew jispiċċa dixxiplu ta’ Ġesu’ u jibqa’ miexi warajh fi triq destinazzjoni Ġerusalemm – salib – mewt u qawmien.
Tajjeb, li aħna wkoll, dixxipli ta’ Ġesu’ nħallu lil Bartilmew l-agħma li ġie jara jmexxina fi triq lejn Ġerusalemm.
Tajjeb li nkunu sinċiera u konxji tal-biżgħat li ħafna drabi ma jħalluniex ħielsa miexja wara Ġesu’. Il-biżgħa hija dejjem il-frott ta’ għarfien qarrieq li xi ħaġa ser tiġi misruqa lili. Forsi qed nibża’ nitlef il-prestiġju, nibża’ nitlef il-ġid li għandi, forsi qed nibża’ nitlef it-taparsi mħabba li irnexxieli nikseb. Tajjeb li nsaqsi x’inhu dak il-mantar li mhux iħallini nara sew; forsi l-bżonn tal-approvazzjoni, il-kumdita’ żejda, il-biżgħa mill-bidla.
Tajjeb li ninduna wkoll min huma dawk li għadhom interess li jien nibqa’ agħma, għax kieku kelli nara kieku nibda naħsibha b’mod differenti, nqajjem pandemonju, u nisfida għal dinja aħjar. Il-bidla normalment tbeżża u allura min jibża’ mill-bidla jibża’ wkoll minn min jara li xi ħaġa ma tkunx serja sew. Kemm ilħna jippruvaw joħonqu ilħna oħra li huma bil-għatx li jaraw!
Tajjeb li ninduna wkoll, li l-leħen ta’ Ġesu’ għandu l-qawwa li jagħmilni nara u allura nibda nfittex li nisma’ dan il-leħen, infittex mumenti ta’ skiet fejn inħalli l-Kelma tiegħu tiftaħli widnejja, ddawwal lil għajnejja u timlieli qalbi.
Fl-aħħar mill-aħħar ejjew nitolbu ‘l Alla jgħina nifmhu li t-triq għal Ġerusalemm mhix biss it-triq tal-passjoni u l-mewt imma t-triq tal-Qawmien. Kieku l-appostli, taw almenu kaz li fit-tħabbira tal-passjoni kien hemm ukoll aċċenn għall-qawmien kieku kienu jifmhu ftit iktar is-sitwazzjoni.
Ejjew nħallu lill-Mulej idawwlilna moħħna biex nagħrfu li t-triq tas-salib hija t-triq tal-imħabba vera. Mhix dik l-imħabba li ttik kollox bil-patt li jkollok tħallas il-prezz li titlef kollox. L-imħabba tas-salib hija dik l-imħabba li tagħti kollox mingħajr lura ma tippretendi xejn. Meta nifmhu din nibdew naraw u aħna wkoll, miegħu nerħulha lejn Ġerusalemm u min jaf, forsi jimxi magħna jkun hemm ukoll Bartilmew!
Il-Mulej jagħtikom is-sliem