It-Tielet Ħadd ta' Żmien ta' Matul is-Sena
Pero' f'dan kollu jista' jkun hemm xi ħaġa li tagħmel li l-istorja tispiċċa ħażin, u anke dan huwa sentiment li faċli nesperjenzaw ħafna drabi: il-qtigħ tal-qalb! Storja ma tispiċċa qatt tajjeb jekk naslu naqtgħu qalbna. Sewwa jgħidu il-qaddisin il-kbar li l-qtigħ tal-qalb huma l-iktar arma qawwija f'idejn ix-xitan. Normalment biex wieħed ma jaqtax qalbu, irid jisma' aħbar sabiħa; jisma' li din id-diffkulta', dan is-saram, dan l-inkwiet mhux għall-dejjem.
L-istess jiġri fil-Vanġelu. Lil poplu arrestawlu ‘l profeta’. Ġwanni minkejja li kien persuna xi ftit riġida ż-żejjed, kien ta' konsolazzjoni għall-poplu, kien kapaċi jagħti dawl, direzzjoni, tant li ħafna kienu jmorru għandu jistaqsuħ dwar kif għandhom jgħixu. Imma issa għalqulu ħalqu, u il-poplu tħawwad. Imma ġie xi ħadd ieħor, l-istess bħalu jxandar li s-Saltna tas-Smewwiet waslet.
Jiġi u joqgħod idur il-Galilija kollha, dik il-Galilija li kulħadd kien iħares lejha bħala post baxx, ta' nies baxxi. U hu jdur hemm...jgħallem fis-sinagogi, jxandar l-aħbar it-tajba u jfejjaq kull xorta ta' mard. U dan ma jagħmlux waħdu; jagħżel uħud biex miegħu jwettqu din il-missjoni. Missjoni li jduru fost in-nies, jgħallmuhom, ifejjquhom u jagħtuhom aħbar tajba.
Issa ġa għaddew elfejn sena minn dakinhar u dehru ħafna dixxipli tiegħu jduru man-nies jagħmlu il-ġid; jgħallmu, jfejjqu u jxandru l-aħbar t-tajba! Kemm aħna midjunin ma' l-Imgħallem Ġesu'! Kemm aħna midjunin mad-dixxipli. Tul dawn l-elfejn, id-dixxipli tal-Imgħallem, minkejja d-dgħufija evitenti tagħhom, xi kultant kbira, għaddew mit-triqat tad-dinja jxandru il-Bxara it-tajba. Kollox beda mix-xatt il-baħar tal-Galilija u xterdu mad-dinja, għallmu, wettqu fil-fidi, bnew skejjel u sptarijiet, qerdu l-faqar, qerdu l-mard, assistew il-batut, għelbu ideoloġiji, bnew soċjetajiet, bis-saħħa tas-salib tqanqlu mill-imħabba. Bosta drabi ġew ippersegwitati propju għax kienu viċin il-fqir. Dixxipli illustri ta' Ġesu' bħall Franġisk u Chiara minn Assisi, Don Giovanni Bosco, Massimiliano Kolbe, Tereża ta' Kalutta, Chiara Lubich, Ġorġ Preca, fost ħafna oħrajn għaddew mit-toroq tagħna ixandru l-Vanġelu, jfejjqu kull xorta ta' mard u dgħufija fost il-poplu. X'dejn għadna ma' dawn in-nies! Is-soċjeta' jsalvawha il-qaddisin!
U int? U jien? Indunajna li bħal Ġesu', bħal Pietru, bħal Indri, Ġakbu u Ġwanni għadna il-missjoni li nduru l-ambjenti li ngħixu fihom, ngħallmu, inxandru Aħbar Sabiħa u bil-preżenza tagħna nfejjqu kull xorta ta' mard?
Il-Mulej li sejjaħ għal warajħ eluf u eluf ta' dixxipli, minn dik l-ewwel sejħa fuq xatt il-baħar tal-Galilija, qed isejjaħ lilek ukoll!
Il-Ħadd it-tajjeb!