Il-Ħames Ħadd taż-żmien ta' matul is-sena

Fil-ħajja ngħixu relazzjonijiet differenti. Għadna relazzjonijiet hekk imsejħa funzjonali li jeżistu biss biex jaqdu funzjoni; bħal dik ta meta tmur għand tal-ħanut biex tixtri xi ħaġa. Ir-relazzjonijiet jieħdu xejra profonda, jew inqas skond il-qsim tal-ħajja li jkollna mal-persuni li magħhom niltaqgħu. Altru r-‘raġel tiegħi’, u altru t-‘tabib tiegħi’. Tifmhu li għalkemm fiż-żewġ frażijiet tintuża il-kelma “tiegħi” nifhmhu ‘b’tiegħi’ relazzjoni differenti, sakemm “ir-raġel tiegħi” ma jkunx ukoll tabib!
 

Hemm ukoll relazzjonijiet li huma strettament bijloġiċi u dawn normalment huma profondi ukoll ġaladarba huma naturali; ommi, missieri, ħuti, uliedi kif ukoll marti jew żewġi.

Hemm ukoll relazzjonijiet oħra, li għalkemm mhux bijoloġiċi huma relazzjonijiet li kważi jieħdu forma familjari bħal ma huma il-ħbiberiji tal-qalb. Il-ħbiberiji, għalkemm ma jgawdux mill-imħabba naturali; mit-twelid, jgawdu imħabba profonda li tikber mal-medda taż-żmien.

Hemm ukoll ir-relazzjonijiet f’komunita’ li għalkemm m’humiex strettament naturali, jieħdu din il-forma mill-istat tal-ħajja li wieħed ikun qed jgħix; eżempju il-patrijiet u s-sorijiet isejħu lil dawk li jkunu qed jaqsmu ħajjithom magħhom ‘aħwa’.

Il-ħajja ta’ Ġesu’ hija wkoll mimlija relazzjonijiet. Ġesu’, la kien monaku u lanqas eremita. Ħajtu kienet imżewqa b’ħafna relazzjonijiet. Kellu relazzjoni ma’ tal-familja tiegħu. Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu frażi li taħsadna ftit: “Anqas ħutu ma kienu jemmnu fih”. Ġesu’ kellu wkoll relazzjonijiet ma’ dawk li biex ngħidu hekk saru t-tieni familja tiegħu, ma’ dawk li magħhom kien jitlob u jistrieħ, jiekol: “Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati”. Kellu relazzjonijiet ma’ nies li sar jaf minħabba xi ċirkustanzi, imma li imbgħad żviluppaw f’dixxipulat. Ma nkunux qed niktbu jekk ngħidu li Ġesu’ kellu relazzjonijiet normali; anke jekk mhux imniżżla fid-dettal fil-vanġeli. Id-diskorsi ta’ Ġesu’ ma kienux dejjem tagħlim. Ma nkunux inqarrqu bina nfusna jekk nimmaġinaw li Ġesu’ kellu taħditiet sbieħ ma’ ommu waqt li kienu qed jieklu u kellu diskorsi fraterni ma’ sħabu. Kellu diskorsi personali man-nies li kienu jkellmuh. Il-ħajja ta’ Ġesu’ kienet waħda umana; mibnija fuq tagħlim, imma anke fuq kliem tal-ħajja ordinarja ta’ kull bniedem.

Li hu żgur li kull relazzjoni li Ġesu’ għex ingħexet f’ottika ta’ salvazzjoni, ta’ fejqan. Illum, fil-Vanġelu naqraw din id-dimensjoni ta’ fejqan fil-ħajja ta’ Ġesu’; fejqan ta’ nies li ma kienx jafhom; kif ukoll fejqan ta’ nies li għalkemm ma kienux relazzjonijiet strettament familjari; ħadu din ix-xerja maż-żmien. Nistgħu nimmaġinaw li l-familja ta’ Pietru saret għal Ġesu’ ‘it-tieni familja’ tiegħu; il-membri ta’ din il-familja saru għalih ‘ta’ ġewwa’.

Li tagħti fejqan ‘lil ta’ ġewwa’ ħafna drabi issir ħafna iktar diffiċli milli toffri fejqan lil dawk li m’intiex marbut magħhom bi ħbiberija profonda jew naturali. Mentri li tgħin lil tal-familja hija xi ħaġa naturali; li twasslilhom il-Vanġelu le. Ma ta’ ġewwa spiss ma jkunx hemm imħabba diżinteressata, imma aspettazzjonijiet u rabtiet li jagħmluha diffiċli ħafna li toffrilhom kelma ta’ salvazzjoni. Mhux faċli li tgħallem ‘l ommok tbennen, imma kultant id-dixxiplu ta’ Ġesu’ huwa msejjaħ biex propju jfejjaq ir-relazzjonijiet tal-familja. Id-dixxiplu ta’ Ġesu’ jaf li ma jistax jibqa’ biss fuq relazzjoni familjari meta jkollu jxandar il-Vanġelu. Kultant ikollu propju jisfida lil ‘ta’ ġewwa’. Irid ikun ħieles mill-aspettazzjonijiet l-iktar naturali, u anke minn rabtiet passati. Ħafna drabi jew għax inħossuna obbligati, jew għax tal-familja jafu d-difetti tagħna, jew għax nibżgħu li ser jgħidu: “Dan ħa jgħallem lilna”, jew għax fil-passat inkunu nqasnihom, nibqgħu lura milli nwasslu l-fejqan tal-Vanġelu lil qrabatna stess.

Din tista’ tiġri anke ma’ dawk li aħna marbuta magħhom spiritwalment bħall-aħwa fil-komunita’ nisranija. Tista’ tkun faċli għalina li ngħinuhom f’dak l-ordinarju li jkollhom bżonn, imma ssir diffiċli naqbżu dak li huwa naturali u nidħlu f’dak li huwa evanġeliku.

U hawn fejn naħseb li Ġesu’ iridna nagħmlu l-qabża. Din il-ħaġa tista’ sseħħ biss jekk ikun hemm proċess ta’ riflessjoni u din ma tiġix mix-xejn. Tiġi biss minn ħajja intima ma’ Alla u ħajja intima ma’Alla tirrikkjedi l-ħin. Ġesu’ minkejja li kellu ħajja attiva ħafna, kien isib il-ħin biex jinġabar u jitlob: “L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob”. Ma nistgħux nippretendu li ser ikollna missjoni li ser tħalli l-frott jekk il-ħin tagħna kollu mimli, jekk m’għadniex ħin għalina nfusna, jekk m’għadniex ħin nirriflettu fuq dak li qed nagħtu u kif qed nagħtuh.

Il-ħin tal-mistieħ, tas-skiet, tat-talb u tar-riflessjoni huwa wkoll ‘pastorali’ u jgħin fil-bini tas-Saltna t’Alla, ma’ ta’ ġewwa u ma ta’ barra.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem