Ħames Papiet Franġiskani u wieħed kważi...
Kont taf li fl-Istorja tal-Papat kienu ħamsa il-Papiet Franġiskani u wieħed minn student franġiskan spiċċa Kardinal, imbgħad Papa. Kont taf li wieħed minnhom kien “anti-papa”? Min bena il-Kapella Sistina? Min pittirha? Min issoprima il-Ġiżwiti? U min waqqaf il-Gwardji Zvizzeri?
NIKOLA IV (1288 – 1292)
L-ewwel Papa Franġiskan kien Ġlormu Masci minn Ascoli ta’ nisel umli. Bħala patri kien il-Provinċjal tal-Art Imqaddsa imbgħad laqaħ Ministru Ġeneral wara San Bonaventura. Jibqa’ magħruf, fost l-oħrajn għat-twaqqif ta’ missjonijiet fl-Orjent.
ALESSANDRU V (1409 – 1410)
Kien jismu Pietru Filagro u twieled fi Kreta. Studja Venezja, Padova, Oxford u Pariġi. F’ Ġunju tal- 1409, il-kardinali b’mod unanimu għażluh bies isir Papa. Ħadem biex jġib il-paċi fl-Ordni franġiskan li dak iż-żmien kien mhedded minn diviżjonijiet interni. L-istoriċi jgħodduħ bħala “anti-papa”. Miet biss sena wara li ġie elett Papa u jibqa’ magħruf għal din il-frażi: “Bħala Patri kont għani, bħala kardinal fqir, u bħala Papa tallab”.
SISTU IV (1471-1484)
Kien jismu Franġisku Della Rovere u meta sar Papa għażel l-isem ta’ SISTU IV. Tul il-pontifikat tiegħu daħħal fil-Knisja il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, u dik ta’ San Ġużepp. Ħareġ ukoll l-ewwel dokument papali li bih ppropona ir-rużarju bħala mezz immprezzabli ta’ qdusija. Beda jibni mill-ġdid u jsebbaħ il-belt ta’ Ruma. Bena il-Kappella Sistina, kabbar il-biblijoteka Vatikana u stieden studjużi mill-Ewropa kollha biex jużawha fit-tiftix tagħhom.
SISTU V (1585-1590)
Feliċ Peretti, Franġiskan Konventwal kien elett Papa b’mod unanimu fl-1585. Jibqa’ magħruf għar-riforma fost il-kleru. Iġġiled bla waqfien kontra is-simonija fil-Knisja. Irriforma il-Kurja Rumana u qassamha f’uffiċċji għal dixxiplini varji (liturġija, duttrina, missjonijiet, eċċ), u ħatar kardinal bħala Kap amministrattiv f’ras kull waħda minn dawn il-“Kongregazzjonijiet”. Huwa amar li kull isqof għandu jagħti rapport dettaljat dwar id-djoċesi tiegħu lill-Papa inniffsu. B’hekk bdew iż-żjarat “ad limina” li jsiru kull ħames snin. Reġa iddisinja il-Belt kollha ta’ Ruma, kompla il-bini tal-kopla tal-Bażilika ta’ San Pietru, waqqaf obeliski Eġizzjani quddiem il-bażiliċi ewlenin u bena bosta akkawadotti. L-influwenza tiegħu għadha tinħass ferm sa żmienna.
KLEMENT XIV (1769-1774)
Franġiskan Konventwal kien elett Papa fl-1769. Jibqa’ magħruf l-iktar għall-avveniment drammatiku, li huwa is-soppressjoni tal-Kumpanija ta’ Ġesu’. F’dak iż-żmien, il-Ġiżwiti kienu qed iqanqlu l-għira ta’ bosta prinċpijiet, lajċi u kleru għalhekk bosta minnhom riedu jumiljaw lil-Soċjeta’ ta’ Ġesu’. Lil Klemet dan m’għoġbu xejn minħabba l-ammirazzjoni li kellu lejhom. F’Rimini hu kien student tagħhom, kien faħħar lil Injazju ta’ Loyola f’wieħed mitt-trattati teoloġiċi tiegħu. Il-Papa ma riedx jissoprimi il-Ġiżwiti, pero’ kien mhedded mis-slaten Ewropej, l-aktar dawk ta’ Spanja, Portugall u Franza li jekk ma jagħmilx hekk tgħib il-paċi bejn il-Knisja u dawn l-istati. Għalhekk, biex ma tkomplix tiggrava is-sitwazzjoni, kontra qalbu Klement wasal għal konklużjoni li jissoprmi lis-Soċjeta’ ta’ Ġesu’ fl-1773. Papa Piju VII, fl-1814 kellu jkun dak li formalment ineħħi din is-sopressjoni.
GULJU II (1503-1513)
Figura li baqgħet tissemma fl-istorja tal-Konvetwali huwa dak ta’ Ġiljan Della Rovere li kien student mal-Patrijiet f’Perugia, imma li sar Kardinal qabel ma’ professa il-voti fi ħdan l-Ordni. Bħala Papa, għadda ħafna żmien tal-Pontifikat tiegħu jitħabat biex jerġa jikseb l-artijiet u jsewwi il-ħsara fl-istruttura ġewwiena tal-Knisja li kien għamel il-Papa ta’ qablu. Lejn tmiem ħajtu stqarr li għadda wisq żmien fuq dahar iż-żiemel tal-battalja milli għarkobbtejħ. Kien hu li waqqaf il-gwardi Zvizzeri u nieda il-Ħames Konċilju tal-Lateran biex iseħħ fil-Knisja il-bidla meħtieġa. Kien hu li qabbad lil Bramante jibda jibni il-bażilika ta’ San Pietru. Qabbad lil Michelangelo ipitter il-Kapella Sistina u fl-1503 irregala l-ġabra li kellu ta’ opri ta’ arti biex jinħoloq il-Mużew Vatikan.