L-Avventura ta' Antonju

Illum nixtieq nirrakuntalkom storja dwar ġuvni li telaq minn daru fuq avventura li wasslitu għas-suċċess li għadu jissemma sal-lum.

Fernandu kien ġej minn familja nobbli minn Lisbona fil-Portugal. Hu magħruf bħala persuna intelliġenti u ta’ kultura. Irċieva l-fidi mingħand il-ġenituri tiegħu li kienu Nsara eżemplari għal binhom.

Fernandu, żgħażugħ bħall-oħrajn imbuttat minn sħabu, xtaq issir kavalier u jkollu suċċess fil-ħajja tiegħu. Iżda għalkemm kellu kollox, Fernandu xorta ma kienx sodisfatt. Xtaq xi ħaġa iżjed. Xtaq ikun kollox għal kulħadd. Għalhekk iddeċieda li jdħol mal-kanoniċi Agostinjani fejn għex iż-żmien tan-Novizzjat tiegħu fl-istudju u fit-talb. Biss fil-kunvent fejn kien, fix-xfar ta’ Lisbona, sħabu ma ħallewħx kwiet u ta’ sikwit kienu jmorru jżuruh u jħajruħ imur lura għall-ħajja avventuruża u kollħa xinxilli ta’ qabel. Mhux l-ewwel darba li Fernandu ġġieled kontra tiegħu nnifsu biex jegħleb it-tentazzjonijiet tad-din id-dinja. Dawk li joffru lil kull bniedem dehriet ta’ ħajja komda u sabiħa iżda fir-realtà kulma jibqa’ f’ħajtu hu biss dubbien. Nisimgħu xi jgħid Fernandu dwar dan: “Jekk ma nitqabdux kontra l-ħażen tal-ġibdiet jgħibu u jintemmu fix-xejn anki dawk il-ħwejjeġ li kienu jidhrulna sbieħ.”

Minħabba dan it-telfien, Fernandu jitlob li jiċċaqlaq għal kunvent ieħor f’Coimbra, li għal dak iż-żmien kienet il-belt ewlenija tal-Portugall. Għat-tul ta’ xi tmien snin huwa għex fl-abbazija tas-Salib Imqaddes, fejn fost l-impenn sħiħ fit-talb, fl-istudju u fl-appostalat ħejja ruħu għas-saċerdozju.

Ġara li fl-ewwel jiem ta’ Frar 1220 waslet l-aħbar li fil-Marokk il-ġemgħa fanatika f’saħna ta’ demm kienet qatlet ħames missjunarji Franġiskani. Fernandu kien dak li nltaqat l-aktar minn kulħadd. Dan għaliex kien ġa ltaqa’ mal-ħames aħwa fi triqithom lejn il-Marokk u li fih ħallew ħlewwa liema bħalha. Dan l-avveniment qanqal f’Fernadu x-xewqa li jsir Franġiskan biex isir missjunarju u jmut martri għal Kristu. Nistgħu ngħidu li Fernandu kellu vokazzjoni f’vokazzjoni. Ħalla Coimbra u issa beda t-triq tiegħu fuq il-passi ta’ Franġisku. F’ċerimonja sempliċi ħafna Fernandu ngħata ċ-ċoqqa Franġiskana u ħa l-isem ta’ Antonju. Nistgħu ngħidu li issa Antonju għandu żewġ missirijiet Wistin missier fil-għerf u Franġisk missier fl-umiltà.

Fost il-vjaġġi li għamel li ħaduh ’il bogħod minn art tweliedu Antonju sab it-tieni dar tiegħu f’Padova. Hemmhekk żvolġa tajjeb il-ministeru saċerdotali tiegħu kemm fil-predikazzjoni kif ukoll bħala difensur tal-foqra. Fiż-żmien li fih wasal Antonju, Padova kienet qiegħda ssofri ġerħa ndennija: dik tal-użura. Ħafna foqra sfaw sfruttati u mitfugħa l-ħabs għax ma kellhomx ġid biżżejjed biex iħallsu d-djun tagħhom. Antonju biex jiġġieled din l-inġustizzja nqeda bl-arma tal-predikazzjoni, u bi kliem iebes kien iwwissi u jmiss il-kuxjenza tas-selliefa li kienet twassalhom għall-konverżjoni. F’waħda mill-prietki tiegħu indirizza lis-selliefa b’dan il-kliem iebes: “Xewk huwa l-għana, li jniggeż u joħroġ id-demm; bhejjem imgħaddbin huma s-selliefa, li jaħtfu u jibilgħu....” Darba Antonju waqt li kien qed jipprietka, ġara li nies bdiet tgemgem u għalhekk staqsa x’kien qed jiġri. Ġara li wieħed sellief tal-flus li kulħadd kien jaf bih miet f’daqqa. Kif sar jaf, ħarġet minn fommu għajta muġugħa u qal: “Araw issa kif seħħet il-Kelma tal-Mulej, li jwiddeb: Fejn hemm it-teżor tiegħek hemm tinsab qalbek ukoll.Morru iftħu s-senduq tiegħu u hemm issibu qalbu qalb il-flus.” Fetħu sider il-katavru imma qalbu ma sabuhiex. Din instabet fis-senduq f’nofs il-flus li kellu. Din l-istorja tgħallimna xi ħaġa importanti ħafna, dik li m’għandna norbtu qalbna ma xejn f’din id-dinja li tispiċċa imma naħżnu l-ġid tagħna fis-sema pajjizna.

Din kienet ċarissma f’moħħ il-Qaddis u trid tkun daqstant ieħor fil-ħajja tagħna. Dak kollu li għandna huwa biss strument li jwassalna għand Missierna li hu fis-smewwiet. Xejn mhu assolut fuq din l-art! Huwa t-tagħlim ta’ Missierna San Franġisk li Antonju fehmu sewwa. Kieku l-Qaddis ma nħallx minn dak kollu li hu tad-dinja kieku llum m’għadux imfakkar u meqjum fuq l-altari tagħna.

Din hija triq tas-suċċess li l-Qaddis Antonju qiegħed jipproponi lil kull wieħed minna.

Nagħlaq din l-istorja kif bdejtha: nitolbu lil Sant’Antnin biex jidħol għalina biex inkunu kapaċi nerħu l-ftit ta’ din id-dinja u nilqgħu kollox minn idejn Alla. Għalhekk nikkonkludi b’din l-antifona bħala t-talba tagħna lill-Qaddis:

“Sant’Antnin, mgħallem tassew għaref u dawl tal-Knisja mqaddsa, itlob lill-Iben ta’Alla għalina, int li ħabbejt il-liġi tal-Mulej.”

 

Fra Josef Pace OFM Conv