Jiktbilna P. Massimiljan Kolbe

Faċilment li quddiem sitwazzjonijiet diffiċli l-bniedem jaqta’ qalbu u jikrolla. Madanakollu, Kolbe jippreżentalna mod ieħor, mibni fuq l-Evanġelju, dwar kif inħarsu lejn it-tbatija: Ladarba t-tbatija naraha fil-pjan ta’ dak li Alla jrid minni, din l-istess tbatija tista’ tkun għodda li twassalni għall-qawmien. Naqraw x'għandu xi jgħidilna...

 
Marija!
 

Xi drabi l-ħajja tkun iebsa ħafna! Bħal donnu ma jkun hemm l-ebda alternattiva oħra.

Is-sitwazzjoni hi tad-dwejjaq, iebsa, xi drabi terribbli u tad-disperazzjoni. Imma għaliex? Huwa daqshekk terribbli li tgħix f’din id-dinja? Forsi Alla ma jafx kollox? Forsi Hu mhux omnipotenti? Forsi l-liġijiet tan-natura, u saħansitra l-qlub tal-bnedmin, m’humiex qegħdin f’idejH? Jista’ forsi jiġri xi ħaġa fl-univers mingħajr ma Hu jippermetti li din isseħħ? U jekk Hu jippermetti li xi ħaġa sseħħ, jista’ forsi jippermetti xi ħaġa li ma tkunx ta’ ġid għalina, ta’ ġid kbir għalina, tal-ikbar ġid possibbli?...

Ankè jekk f’każ li, għal ftit ħin, aħna nirċievu għerf infinit u jirnexxilna nifhmu kull kawża u effett, aħna ma nagħżlu xejn differenti minn dak li Alla ppermetta għalina, ankè jekk aħna jkollna għerf infinit. Huwa jaf perfettament dak li hu l-aħjar għar-ruħ tagħna; barra minn hekk, minħabba li Hu twajjeb b’mod infinit, irid, u jippermetti biss, dak li jservina għall-ikbar ferħ tagħna fil-ġenna.

Għaliex, mela, xi drabi aħna nkunu tant imġarrfin?

Għax ma narawx ir-rapport li jeżisti bejn il-ferħ tagħna u dawk iċ-ċirkostanzi li jgħaffġuna, anzi, minħabba l-limitazzjonijiet ta’ rasna (rasna tidħol f’biss f’beritta jew kappell), m’aħniex kapaċi li nkunu nafu kollox.

Mela x’irridu nagħmlu? Nafdaw f’Alla.

Ankè jekk ma nifhmux b’mod dirett l-affarijiet, permezz ta’ din il-fiduċja aħna nkunu qegħdin nagħtu glorja kbira lil Alla, propju minħabba li nkunu qegħdin nirrikonoxxu l-għerf tiegħU, it-tjubija tiegħU u l-qawwa tiegħU. Mela ejjew nafdaw lil Alla, imma ejjew nafdawH mingħajr ebda limitu.

Ejjew nafdaw li jekk naħsbu biss f’li nagħmlu r-rieda tiegħU, ma jista’ jiġrilna l-ebda deni veru, ankè jekk jiġrilna li ngħixu żminijiet li huma b’elf darba iktar diffiċli miż-żminijiet li qegħdin ngħixu bħalissa.

Allura m’għandniex nippruvaw nevitaw, li nitbiegħdu mid-diffikultajiet?

Dażgur! Tista’, u hekk trid tagħmel. Sakemm jiddependi minna, hemm bżonn li nagħmlu dak kollu possibbli sabiex nevitaw id-diffikultajiet fil-mixja ta’ ħajjitna, imma mingħajr ansjetà, mingħajr dwejjaq, u fuq kollox, mingħajr inċertezza ddisprata.

Fil-fatt dawn l-emozzjonijiet mhux biss ma jgħinuniex li nsolvu d-diffikultajiet, imma jagħmluna inkapaċi li nkunu għaqlin, prudenti u ħfief f’dak li ngħixu.

F’kull ħaġa imbagħad, ejjew ma ninsewx li nirrepetu ma’ Ġesù fl-ort taż-żebbuġ: "Tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi" (Lq 22, 42).

U jekk, bħalma ġara fl-ort taż-żebbuġ, Alla jaħseb li jkun opportun li ma jilqax it-talba tagħna u jibgħatilna l-kalċi li rridu nixorbu minnu sal-inqas qatra, ejjew ma ninsewx li Ġesù mhux biss sofra, imma mbagħad irxoxta b’mod glorjuż; u ankè aħna, permezz tas-sofferenzi nersqu lejn il-qawmien. Anzi, ejjew ma nintrabtux iżżejjed ma’ din id-dinja miżera: x’jista’ jiġri jekk xi drabi nitniggżu minn xi xewka?

Forsi jekk ikun hekk, jiġrilna li nkunu nixtiequ li nibnu ġenna għalina f’din id-dinja mimlija trab u tajn.

Mela nafdaw, nafdaw mingħajr ebda limitu f’Alla, permezz tal-Immakulata, u ejjew infittxu, skont il-possibbiltà tal-imħuħ u tal-forzi tagħna, li nsibu rimedju, imma b’serenità, filwaqt li npoġġu l-fiduċja tagħna fl-Immakulata u billi npoġġu r-rieda t’Alla qabel tagħna. Imbagħad, is-slaleb isiru għalina (kif appuntu huwa ġust li jkun) turġien lejn il-ferħ tal-qawmien fil-ġenna.

Fra Massimiljan Kolbe OFM Conv.