Cantico delle Creature - kitba ta' San Frangisk t'Assisi li tibqa' għall-dejjem
San Franġisk jagħtina SIGRIET…
Kitba ta’ San Franġisk, huwa probabbli wieħed mill-ewwel poeżiji bil-vernakular, il-lingwa li kienu jużaw il-poplin tal-Medjuevu. Il-Kantiku inkiteb fl-1225, minbarra biċċtejn li San Franġisk żiedhom iktar tard. Minkejja il-fatt li għaddew minn fuqu mat-800 sena, il-ġmiel tiegħu għadu attwali sallum.
Nammetti li ili s-snin nipprova naqra dan il-Kantiku u domt ħafna sakemm bdejt nifhem ftit mis-sugu tiegħu. Franġisku jara lil Alla f’kollox u kollox ifakkru f’Alla. La Alla qiegħed f’kollox ma jistax ma jfaħħarx lil Alla tal-ġmiel tal-ħolqien. La kollox ifakkru f’Alla, mela għal Franġisku ifisser li kollox jista’ iwasslu eqreb lejn Alla. Tant iħossu parti mill-ħolqien ta’ Alla li jsejjaħ lill-qamar, ix-xemx, l-ilma, ir-riħ u l-arja “ħutu”. U dan grazzi għall-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù... Bil-mewt u l-qawmien tiegħU aħna ilkoll sirna aħwa, lkoll ulied tal-istess Missier. Din kienet ċara f’moħħ Franġisku.
Mument emozzjonali ħafna għalija huwa li Franġisku jasal biex ifaħħar lil Oħtna il-Mewt b’ħafna serenità u paċi għax jagħraf li permezz tagħha biss nistgħu niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ ma’ Alla Missierna. Ovvjament dan jista’ jseħħ biss jekk il-mewt issibna lesti u bla dnubiet. Is-sabiħ ta’ din il-parti tal-Kantiku, miżjuda iktar tard, huwa li Franġisku jasal biex ifaħħar lil oħtu il-mewt waqt li hu stess kien fuq is-sodda tal-mewt jistenna li din tieħdu għand il-Missier, dak il-Missier-Alla li tant kien iħobb. Fl-aħħar tal-Kantiku, Franġisku jagħlaq bi ftit kliem li għalija qishom it-testment tiegħu: Faħħru u bierku, l-Mulej, u roddu ħajr u aqduh bl-akbar umiltà.
Kif diġa’ għidt domt biex fhimt dan kollu, mhux tant li nifhem il-kliem − dan malajr fhimtu! Domt ferm iktar biex dan il-kliem imissli qalbi u hekk nifhem tassew x’ried jgħid bihom Franġisku. Bdejt nifhmu meta bdejt nipprova nara lil Alla f’kollox: fil-fjuri, fis-stillel, iżda anke fil-maltemp, fix-xita, f’xi ġurnata iebsa, f’xi persuna diffiċli. Malli nara xi ħaġa, jew niltaqa’ ma’ xi ħadd, nipprova infaħħar lil Alla tal-ġmiel tiegħu. Nammetti li mhux dejjem jirnexxili u spiss taqbiżli bl-ikraħ, iżda meta nipprova nersaq lejn Alla permezz tal-ħolqien tiegħu, Hu stess jersaq ħafna iktar lejja, iktar viċin milli naħseb jien.
Il-mużika li ktibt ppruvajt inżommha sempliċi. Evitajt kull kumplikazzjonijiet possibbli, għax nemmen li Franġisku sar qaddis għax irnexxielu isib lil Alla fl-iċken affarijiet, kif hu stess ried isir l-iċken fost l-iċken biex ikompli jfaħħar il-kobor ta’ Alla.
Inħoss li San Franġisk jagħtina is-sigriet tiegħu kif nistgħu nersqu viċin iktar tal-Ħallieq… Minn għandu nistgħu nitgħallmu nippruvaw infittxu li naraw il-preżenza ta’ Alla mhux fl-affarijiet il-kbar biss, iżda wkoll − anzi fuq kollox − fl-iktar affarijiet ċkejknin u żgħar.
Robert Calleja
Kliem ta' San Franġisk ta' Assisi
Muzika ta' Robert Calleja
Ikanta l-Kor The New Choral Singers
Muntaġġ: Patri Mario Sant OFM Conv