God is a DJ
Ħafna drabi kien hemm min staqsieni għaliex dħalt patri u kif sejjaħli l-Mulej. Nistqarr li jġibuni dahri mal-ħajt għax mhux faċli tesprimi din l-esperjenza hekk sabiħa iżda fl-istess ħin misterjuża. Alla qatt ma deherli u qatt ma ġie xi anġlu jkellimni bħalma ġara lil Marija. Mela kif smajt leħen Alla? Għaliex Alla ma jitkellimx ċar fil-ħajja tagħna? Ma jkunx aktar faċli li kellu jidhrilna u jgħidilna eżatt x’għandna nagħmlu? Kellu bżonn! Il-preżenza ta’ Alla fil-ħajja tagħna hi bħal dik iż-żiffa li ħass Elija fuq il-muntanji. Tħossha imma ma tarahiex. Il-vuċi ta’Alla hi s-silenzju. Alla jitkellem fis-skiet. X’irrid ngħid b’dan? Ejja naħsbu f’biċċa mużika sabiħa mingħajr kliem. Jien u nisma din il-mużika nitpaxxa nisma’ l-melodija tagħha, tirrilassani, tqanqal fija tifkiriet tal-passat, tferraħni jew tnikkitni, nistaqsi min kitibha, min daqqha, għaliex u għal min inkitbet, eċċ. Qegħdin naraw kemm affarijiet naqra ta’ mużika tqanqal fina għalkemm ma tgħid xejn bil-kliem?!. Alla hu l-mużika ta’ ħajjitna. Jidħol bil-mod fis-sensi tagħna, inqanqal fina mistoqsijiet u jkebbes fina sens ta’ sbuħija u għaxqa. Alla jgħanni fil-ħolqien tiegħu. Juri lilu nnifsu fil-ħolqien li huwa ħalaq. Għalhekk skont ma jgħid San Bonaventura, franġiskan:
Għalhekk agħma hu dak li m’huwiex imdawwal b’daqs dawn dwal imxerrdin fil-ħolqien.
Trux hu dak li ma jqumx bil-leħen ħakkiem (qawwi-jgħajjat) tal-ħwejjeġ maħluqa.
Bla kelma hu dak li quddiem id-dehra ta’ tant għeġubijiet ma jfaħħarx lill-Mulej.
U fl-aħħarnett, iblah hu dak li f’daqstant sinjali leqqiena ma jagħrafx L-Ewwel Bidu[1].
It-Trinità fiż-żifna ta’ mħabba ta’ bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu ħalqet dinja. Alla fl-ewwel ktieb tal-Bibbja jgħid: “Ha nagħmlu lill-bniedem fuq sura u xbieha tagħna” (Ġen 1,26). Aħna magħġuna fl-istess armonija li hemm bejn it-Tliet Persuni. Fejn irrid nasal b’dan kollu? Jekk il-bniedem hu magħġun mill-istess mużika trinitarja, il-bniedem hu kapaċi jisma’ u jirrispondi għal din il-melodija. Nistgħu ngħidu li Alla hu l-mużika u aħnaż-żeffiena tiegħu. Il-bniedem kien maħluq sabiex jisma’leħen Alla u jwieġeb b’libertà sħiħa għall-vokazzjoni tiegħu. U hawn niġu għal dak li għedna fil-bidu.
X’inhi vokazzjoni? Alla xi jrid minni?
L-unika vokazzjoni tal-bniedem hi dik li jwieġeb għas-sejħa ta’Alla. Tajjeb!B’hekk ma bqajniex fejn konna? Le! Alla għandu vokazzjoni waħda għall-bniedem dik li jsir xbiha ta’Ibnu l-għażiż. San Pawl jgħidilna li f’Ġesù Kristu “kien maħluq kollox...kollox bih u għalih kien maħluq, hu li hu qabel kollox u kollox bih qed iżomm” (Kol 1, 15-20). Il-mudell pereċċellenza tal-persuna tagħna hu Ġesù Kristu. Għall-mistoqsija, li minn mindu konna żgħar dejjem kienu jistaqsuna: X’se ssir la tikber?,it-tweġiba tagħna għandha tkun Ġesù Kristu! Naf li forsi tidher daqsxejn ambizzjuża bħala professjoni imma din hi l-unika risposta li Alla Missierna jrid jisma’ minn għandna.
Mela l-vokazzjonijiet l-oħra għaliex qegħdin? Jien għaliex insir reliġjuż/a, miżżewweġ/a, immur il-missjoni eċċ?
Wara din l-għażla fundamentali, li nsegwu lil Kristu,hemm dik li ngħidulhavokazzjoni partikulari, bħalma huma ż-żwieġ, il-ħajja reliġjuża u oħrajn.Aħna lkoll fil-magħmudija irċivejna tlett rigali li huma: il-profezija, ir-regalità u s-saċerdozju. Għalhekk permezz ta’ dan is-sagrament sirna parti mill-ġisem mistiku tal-Kristu li hu il-Knisja.
Issa, fil-Knisja kulħadd għandu missjoni partikulari x’jaqdi sabiex ixandar bl-eżempju u bil-kliem lil Kristu. Hawnhekk jidħlu tliet affarijiet importanti li wieħed għandu jiftakar qabel jagħmel l-għażla tiegħu li huma: Nitlob, Infittex u Niddeċċidi. Huwa faċli niftakru dawn it-tliet tarġiet! L-ewwel tarġa hi t-TALB. Tajjeb li fit-talb personali tagħna nfittxu, kulħadd bil-mod tiegħu, li nsirunafu ix-xewqa li għandna f’qalbna. Tajjeb li ngħidu li Alla ma jitfa’ qatt xewqat żbaljati fil-bniedem. Jekk ix-xewqa tul iż-żmien tkompli tippersisti, tajjeb li wieħed jibda jfittex. Hawn naslu għat-tieni tarġa it-TFITTXIJA. Wieħed ifittex meta jitlob l-għajnuna ta’ persuni maturi, bħalma hu direttur spiritwali, li jgħinuh jagħraf x’hemm f’qalbu. Imbagħad naslu għall-aħħar tarġa: TIDDEĊIEDI. Meta wieħed ikun talab u ġie megħjun mid-direttur spiritwali jasal il-mument fejn irrid jieħu deċiżjoni. Żewġ affarijiet huma importanti f’dan l-istadju: 1. Kif jgħid il-Malti: Tista tieħu ż-żiemel sa fejn l-ilma imma ma tistax iġġiegħlu jixrob. B’dan irrid ngħid li id-deċiżjoni trid teħodha int u int biss! 2. La darba tieħu d-deċiżjoni ma terġax lura. Kif jgħid il-Vanġelu: “Min, wara li jaqbad il-moħriet, iħares lura mhux tajjeb għas-saltna ta’Alla” (Lq 9, 62). Kull għażla hi irrevokabblijiġifieri għal dejjem. Alla qatt ma jmur lura minn kelmtu: “Mhux intom għażiltuni imma jien għażilt kom”(Ġw 15,16). Alla jaf lil min għażel! Min-naħa tagħna m’għandna qatt immorru lura mill-kelma għax f’dik it-triq li nkunu għażilna sa nsibu r-realizzazjoni ta’ ħajjitna, inkella nispiċċaw bħal dikin-naħla li tittajjar minn fuq fjura għall-oħra iżda qatt ma tixba! Għalhekk hi importanti dik il-frasi “għal dejjem” fil-ħajja ta’ kull bniedem. Ma nibżgħux minnha għax hi l-unika triq li l-bniedem fiha jsib lil Alla u lilunnfisu.
Huwa dan il-mod kif Alla, id-DJ tal-ħajja tagħna, jseħilna. Int lest/a li tiżfen għall-mużika tiegħu?!