Kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni

 
ta' Fra Allister M. Aquilina

 

Bl-għajnuna t’Alla għadni kemm inlesti minn żjara fil-ħabs. Biex ħriġt minn dan il-bini kelli ngħaddi minn ħames rixtelli tal-ħadid, li wħud minnhom kellhom gwardjan għassa magħhom. Il-gwardjan tal-ewwel rixtellu tani ħarsa ħafifa waqt li għafas il-buttuna li tiftaħ l-istess kanċell. Ieħor staqsieni x’kunjomi filwaqt li niżżel il-ħin fir-reġistru. L-aħħar gwardjan talabni nrodd lura l-identifikazzjoni li turi li jien volontarju, filwaqt li raddli lura l-passaport, it-telefon ċellulari u ċ-ċwievet tal-karozza li kont tajtu qabel ma’ dħalt. Ġol-ħabs ma nkun nista’ ndaħħal xejn miegħi, ħlief it-tonka li nkun liebes, il-maktur, xi karti u pinna.

 

Il-ħabs huwa dinja għalih, b’regoli preċiżi li jridu jiġu mħarsa l-ħin kollu. Dan hu l-post fejn kull nhar ta’ Sibt u Ħadd, minn Ottubru li għadda, jien u l-kjerku Franċiż Thomas Bourquerod immorru nwettqu s-servizz pastorali f’Padova, bħala parti mill-formazzjoni tagħna l-patrijiet.

 

Din hi realtà li qabel ma ltqajt magħha kont imbeżża’ minnha u mifni bil-ħsibijiet dwarha. Qatt ma kelli ħajra li nersaq lejn dan il-post għalkemm nistqarr li kont qed nissuspetta li għal din is-sena formattiva r-Rettur kien ser jitlobni dan it-tip ta’ volontarjat. Madankollu hu ħaġa tal-għaġeb dak li ħassejt l-ewwel darba li dħalt hemm ġew: ħassejtni milqugħ.

 

Niftakar li dakinhar bqajt impressjonat b’dak li rajt: dawk il-kanċelli ħomor tal-ħadid, wieħed jinfetaħ u l-ieħor jingħalaq; l-imfietaħ kbar li l-gwardjani jużaw biex jiftħu l-kanċelli u l-ħabsin b’idejhom bejn il-ħadid jistennew warajhom; ħarsithom profonda; kullimkien bit-tubi jixegħlu għax mit-twieqi ma tantx jidħol dawl minħabba li huma mbarrati bil-ħadid; u l-ħsejjes tal-gawwi li jiġi jitrejjaq mill-fdal tal-ikel li jiġi mormi barra b’maledukazzjoni jew bħala sinjal ta’ protesta. Meta wasalt fil-post iddestinat, il-gwardjan għażel il-muftieħ li bih jinfetaħ ir-rixtellu li jagħti għall-Kappella tal-ħabs. Dħalt. Għall-ewwel darba f’ħajti kelli nidderieġi l-kant. Did-darba l-koristi kienu l-ħabsin stess. Ma nistax inneħħi minn quddiem għajnejja ħarsithom waqt li kienu qegħdin iħarsu lejja sabiex b’hekk jimxu mar-ritmu tal-mużika – ħarsa unika għal kull wieħed.

 

Il-parroċċa li fiha mmur nagħti s-servizz pastorali – hekk iħobb jirreferi għall-ħabs ta’ Padova Don Marco Pozza, il-Kappillan tal-ħabs, qassis żagħżugħ ta’ madwar tletin sena – jiġbor fih madwar 900 priġunier. Il-ħabs ta’ Padova hu maqsum f’għaxar sezzjonijiet. Is-sezzjoni msejjħa bħala l-Alta Sicurezza tħaddan fiha priġunieri li kellhom x’jaqsmu mal-Mafja. Is-sezzjoni tal-Protetti tiġbor fiha dawk il-priġunieri li kienu nvoluti f’xi każijiet relatati ma’ stupru, pedofelija, fastidju sesswali, jew reati simili. Imbagħad hemm ħames sezzjonijiet tal-Comuni. Din hi l-ikbar sezzjoni li tiġbor fiha dawk il-ħabsin li kienu nvoluti f’serq, qtil u droga. Barra minn hekk, dis-sezzjoni tiġbor fiha tliet taqsimiet oħra: it-taqsima tas-Semi-Liberi (li tħaddan fiha dawk il-ħabsin li matul il-ġurnata jmorru jaħdmu f’post tax-xogħol fid-‘dinja ta’ barra’, filwaqt li wara x-xogħol jirritornaw il-ħabs); it-taqsima tal-Infermeria (li tiġbor fiha dawk il-ħabsin li huma morda); u t-taqsima tal-Polo Universitario (li tħaddan fiha l-grupp ta’ priġunieri li jsegwu korsijiet tal-Università minn ġol-ħabs stess). Ta’ min inżid ukoll li wħud mill-ħabsin huma xxurtjati għax huma impjegati ma’ kumpanija li mill-ħabs stess tipprepara affarijiet tal-ikel, fost l-oħrajn il-famuż pannettone. Ħafna ristoranti Taljani ta’ klassi għolja jordnaw l-ikel u l-ħelu mingħand din il-kumpanija. Għal dan ix-xogħol huma jirċievu stipendju żgħir li jkunu jistgħu jużawh għall-bżonnijiet tagħhom.

 

Permezz ta’ din l-esperjenza qiegħed nirrealizza li l-ħabsin m’humiex numru. Wara kull wiċċ hemm persuna bi storja differenti u li sfortunatament il-kors ta’ ħajjitha wasslitha hemmhekk. Wara kull wiċċ hemm persuna bid-dinjità tagħha. Permezz ta’ din l-esperjenza qiegħed inkompli nitgħallem kemm verament il-ħniena tal-Missier Alla, li Ġesù żvelalna bil-miġja tiegħu f’din id-dinja, tista’ tfejjaq il-qalb muġugħa tal-bniedem.  Forsi l-impressjoni li wieħed jista’ jieħu tal-ħabs hija dik li l-ħabsin ma jonqoshom xejn. Minkejja dan, fil-ħabs dawn in-nies jonqoshom l-iktar ħaġa fundamentali għall-bniedem: il-libertà.

 

Bejn is-Sibt u l-Ħadd isiru tliet ċelebrazzjonijiet tal-Ewkaristija, b’tali mod li jindirizzaw is-sezzjonijiet kollha tal-ħabs. Ikun hemm madwar erbgħin ruħ li li jipparteċipaw għall-quddiesa tal-ewwel u t-tieni grupp, filwaqt li l-quddies li ssir għat-tielet grupp jattendu għaliha madwar mija u ħamsin persuna. Il-proċedura li biha jinqasmu l-ħabsin fi gruppi sabiex jattendu għall-quddies issir sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà tal-istess priġunieri. Permezz t’hekk tiġi mnaqqsa l-possibiltà li jinqala’ l-inkwiet bejn dawn il-‘parruċċani’. Matul iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija l-ħidma tagħna tkun li nanimaw il-quddies, flimkien ma’ volontarji oħra li jiġu mill-madwar. Don Marco jieħu gost isejjaħ lill-ħabsin madwar għoxrin minuta qabel ma tibda l-quddiesa, filwaqt li jħallihom għoxrin minuta wara li tintemm biex b’hekk huma jkollhom ċans li jgħidu kelma bejniethom. Li jgħidu kelma mhux dejjem ikun permess speċjalment għall-priġunieri li huma residenti fis-sezzjoni tal-Comuni. Permezz ta’ dan, Don Marco jipprova joħloq atmosfera simili għall-pjazza tar-raħal, fejn qabel il-quddies il-parruċċani jiltaqgħu sabiex jgħidu kelma. Jixtieq joħloq ambjent fejn ir-relazzjonijet ikollhom post ċentrali. B’ġest sempliċi, bħal tbissima ħelwa, li tieħu b’idejn xi ħadd, li turi ħarsa ta’ ħniena u ta’ kompassjoni, tista’ titnaqqas il-bruda li teżisti f’post bħal dan. Barra minn hekk, nhar ta’ Sibt immorru niltaqgħu b’mod personali ma’ dawk il-ħasbin li jitolbuna nagħmlu dan. Kull nhar ta’ Sibt isir ukoll kors tal-Katekiżmu, imma li għalih aħna ma nattendux.

 

Fil-ħabs nara tabilħaqq lill-Evanġelju jieħu l-ħajja. Qiegħed nesperjenza l-kliem li kiteb San Franġisk fit-Testment: “Dak li kien morr, sar ħelu”. Dan kollu qiegħed isir bil-mod u bil-paċenzja. Mhux faċli niġġieled kontra l-ġudizzji li ġieli nħoss meta quddiem għajnejja nara lil dak li naf li xellef difru mal-liġi. Madankollu ninsab ċert li bl-ebda mod ma nista’ nqis ruħi aħjar minn dawn in-nies. Ma nistax niġġudikahom, għax min jaf x’kienet l-okkażjoni li wasslithom biex għamlu dak li għamlu? Forsi t-trobbija, n-nuqqas ta’ mħabba, mument fejn ħassew il- vojt f’ħajjithom, il-ħbiberiji li kellhom?

 

Il-ħabs jista’ jservi bħala żmien ta’ riflessjoni li jġib bidla fil-ħajja ta’ dak li jkun. Hekk ġara lil wieħed priġunier mill-Albanija, immigrant irregolari fl-Italja, li ftit taż-żmien ilu rċieva s-Sagramenti tal-Inizzjazzjoni tal-ħajja Kristjana (Magħmudija, Griżma tal-Isqof, Tqarbin) waqt li kien fil-ħabs. Lil Thomas u lili stedinna biex niltaqgħu miegħu f’kamra riżervata apposta għal dawk li jkunu jixtiequ jagħmlu xi viżta lill-ħabsin fit-taqsima li fiha jkunu jinsabu. Ippreparalna kikkra tè, xi ftit biskuttini u hemmhekk irrakkuntalna, bid-dmugħ f’għajnejh, xi jfisser għalih li issa qed jgħix din il-ħajja l-ġdida.

 

Ċertu vokabularju tal-Evanġelju, bħal “kuxjenza”, “dnub”, “ġudizzju”, “imħabba”, “maħfra”, u  “libertà” fil-ħabs jinftiehem mill-ewwel. F’dan il-post is-sens taż-żmien u tal-istennija ma ddumx ma tifhimhom. Nistaqsi lili nnifsi: “Min jaf xi dwejjaq jaqbadhom filgħaxija?” Uħud jaslu saħansitra biex itemmu ħajjithom: dil-ġimgħa kien hawn żewġ każijiet t’hekk. Forsi kif kienu waħedhom ħsibijiethom taru lejn il-mara tagħhom u uliedhom li hemm jistennewhom barra. Forsi ħsibijiethom terrqu lejn is-solitudni li jħossu meta jiftakru li sfaw abbandunati minn kulħadd, ankè minn dawk li kienu jaħsbu li jħobbuhom. F’din il-parroċċa ma jirbumbjax il-kliem dwar Kristu Kurċifiss – is-sofferenza jafuha biżżejjed. Madankollu jirbombja doppjament dak il-kliem dwar Kristu Rebbieħ fuq il-mewt: din hi t-tama tagħna l-Insara. Dan hu l-misteru tal-Fidi tagħna – misteru ta’ mħabba, tama, u fiduċja.

 

Laqtuni ħafna l-kliem li ftit taż-żmien ilu l-Papa Franġisku talab lill-Kappillani tal-ħabsijiet tal-Italja sabiex jgħaddu lill-parruċċani tagħhom: “M’hawnx post daqshekk imbiegħed li fih ma tistax issir laqgħa ħajja ma’ Kristu. Ankè ċ-ċella tal-ħabsi tista’ tkun dik l-oasi fejn fiha persuna tkun tista’ tistrieħ b’dak l-ilma ħaj li jaqta’ kull għatx. Ankè Kristu jista’ jkun priġunier tal-egoiżmi tagħna, ta’ kemm-il darba nittraduh...”. F’dan il-messaġġ il-Papa jurina biċ-ċar li ankè għalih din ir-realtà tinsab għal qalbu. Dan mhux ukoll l-iskop li Ġesù ġie għalih fid-dinja? Ġesù ma kienx ukoll qrib il-midinbin, ankè dawk il-midinbin magħrufa? Taħt il-ħwejjeġ li nilbsu u taħt dak li nagħmlu hemm umanità ugwali għal kulħadd. Hija din l-umanità tal-bniedem li fil-ħabs iġġegħelni nħossni milqugħ. Wara kollox il-Papa kemm-il darba qiegħed jenfasizza li Alla ma jixba’ qatt jaħfrilna dnubietna, iżda huwa l-bniedem li jixba’ jsaqsi għall-maħfra lil Alla.

 

Jien u Thomas għandna xewqa: dik li xi darba jagħtuna l-permess sabiex nieklu mal-priġunieri. Nafu biċ-ċert li f’għajnejhom din tista’ tidher bħala xi ħaġa ċkejkna, iżda nemmnu li jista’ jkun mezz li jgħinna nikbru fl-għarfien reċiproku.

 

Nitolbu ’l Alla sabiex inkunu t’għajnuna għall-preżent ta’ dawn il-persuni. Il-passat għadda, u j’Alla li fil-futur dawn in-nies ikunu jistgħu jagħmlu għażliet iktar bil-għaqal. Ninsab ċert li dawn il-persuni qed jgħinuni nħobb iżjed u nwaqqa’ l-ħitan tal-preġudizzji li jista’ jkolli lejn il-proxxmu ta’ madwari. Umilment nitlobkom sabiex ma ninsewhomx fit-talb tagħna ħalli l-Mulej jagħtihom l-għajnuna biex jgħixu b’serenità dan iż-żmien ta’ purifikazzjoni.